Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tkompli titfa’ dawl fuq it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-populazzjoni Maltija u dwar it-tnaqqis fil-faqar.
Minn dan it-tagħrif jirriżulta li aktar minn 78% tal-familji huma sidien ta’ djarhom, u li minnhom 76% qatt ma kellhom piż ta’ dejn fuq djarhom jew irnexxielhom iħallsu għal kollox is-self li għamlu biex xtraw darhom. Il-biċċa l-kbira tas-sidien ta’ djarhom għandhom it-tfal jgħixu magħhom.
L-għadd ta’ familji li huma sidien ta’ djarhom mill-2013 kiber b’aktar minn 12,000 waqt li dawk li jikru fejn joqogħdu fl-2017 baqgħu fl-istess livell li kienu fl-2013, anzi kien hemm tnaqqis marġinali. Meta wieħed iqis iż-żieda fil-populazzjoni fl-aħħar 4 snin, dawn huma riżultati verament pożittivi.
Sinifikanti wkoll hu kif niżel il-livell tal-piż tal-ispejjeż fid-dar meta mqabbel mad-dħul disponibbli tal-familji. Minn persentaġġ medjan ta’ 7.2% fl-2011 dan waqa’ bin-nofs għal 3.6 fil-mija fl-2017, li hu l-inqas livell li qatt ġie mkejjel.
L-istatistika titfa’ dawl fuq id-daqs tad-djar li fihom jgħixu l-familji. Il-persentaġġ ta’ nies li jgħixu fi djar relattivament żgħar għad-daqs tal-familja fl-2017 kien ta’ 2.7%. Dan hu l-inqas livell li qatt ġie reġistrat u juri tnaqqis ta’ 1.7 punti perċentwali jew kważi 39% meta mqabbel mal-livell tal-2011.
Kienu biss 11,000 persuna minn populazzjoni ta’ 430,000 li jgħixu f’din is-sitwazzjoni. Inqas minn nofshom kienu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali waqt li minn dawn 2,300 biss kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa – l-inqas livell li qatt ġie reġistrat.
Din l-istatistika turi wkoll li minn 430,000 li kienu qed jgħixu f’pajjiżna fl-2017, komplessivament kienu biss 14,000 persuna li kienu qed jgħixu f’ċaħda materjali severa meta dawn fl-2013 kienu 40,000. Dawn allura mill-ogħla livell li qatt kienu fih niżlu għall-inqas livell ta’ faqar qatt reġistrat f’pajjiżna f’erba’ snin biss.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati inkoraġġanti, il-Gvern se jibqa’ impenjat li jgħin lill-familji fil-bżonn u speċjalment lil dawk li għandhom problemi ta’ housing. Fil-budget tat-22 ta’ Ottubru li ġej, il-Gvern se jħabbar pakkett ta’ miżuri oħrajn biex jassistu lill-familji speċjalment dawk li mhumiex sidien ta’ djarhom.