Aktar minn 75 fil-mija tal-istudenti post-sekondarji u terzjarji jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku.
Dan ħareġ minn studju li għamlet il-Malta Public Trasport, fi Frar u Marzu, li sar fost 2,000 student li jattendu fost l-oħrajn: l-Universita ta’ Malta, il-Junior College, l-MCAST u skejjel oħra f’dan il-livell ta’ edukazzjoni.
F’dan l-istudju ħareġ li l-maġġoranza tal-istudenti jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-iskola. Dan filwaqt li 65 fil-mija tal-istudenti jsostnu li użaw it-trasport pubbliku kuljum fl-aħħar sitt xhur.
L-istudju jgħid ukoll li l-maġġoranza tal-istudenti lesti jimxu ħames minuti oħra biex imorru f’bus stop li fiha tal-linja tasal aktar malajr u r-rotta hija waħda diretta.
F’dan l-istudju ġie nnutat ukoll li hemm 90 fil-mija tal-istudenti li lesti jużaw it-trasport pubbliku aktar jekk il-ħinijiet tal-vjaġġ jonqsu b’25 fil-mija.
Il-Malta Public Transport qalet li dan l-istudju jindika li d-domanda għat-trasport pubbliku se tiżdied jekk il-karozzi tal-linja jkunu aktar frekwenti u jieħdu inqas ħin biex jaslu minn post għal ieħor.
Malta Public Transport qed tagħmel stħarriġ ieħor, li huwa miftuħ għall-membri kollha tal-pubbliku, li se jagħti aktar għarfien siewi dwar il-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-ivvjaġġar sabiex in-netwerk tar-rotot tal-karozzi tal-linja jkun jista’ jiġi aġġornat f’wieħed li jissodisfa l-ħtiġijiet attwali u futuri tal-popolazzjoni.
Biex tipparteċipa fl-istħarriġ dwar it-Trasport Pubbliku ta’ Malta, wieħed jista’ jidħol hawn:
https://emapic.es/custom/malta-mobility-23