Madwar 74 immigrant ittellgħu max-xatt Libjan bla ħajja fi traġedja oħra, hekk kif kienu fi triqthom lejn l-Ewropa biex jaħarbu mill-gwerra u l-poverta.
Il-ħaddiema tar-Red Crescent qalu li l-katavri nstabu t-Tnejn mal-kosta fil-Belt ta’ Zawiya. Ħaddiema ta’ salvataġġ għamlu madwar sitt sigħat itellgħu aktar katavri mill-baħar, bil-probabilta hija li aktar katavri jinsabu fil-viċinanzi.
Kelliem għall-organizazzjoni tar-Red Crescent, Mohammed al-Misrati, qal lill-midja li kien nstab dinghy imqatta’ fil-viċinanzi u li l-probabilta hija li aktar immigranti għerqu f’dan l-inċident hekk kif dinghy ta’ dan it-tip normalment ikollu abbord tiegħu madwar 120 persuna.
Il-gwardja kostali ta’ Zawija poġġiet filmat li juri d-dinghy tal-immigranti mingħajr magna hekk kif it-traffikanti marru mal-kosta biex jieħdu lura l-magna li kien hemm mad-dinghy.
Ir-ritratti li tpoġġew fuq Twitter juru wieħed minn dak li qed jiġi deskritt bħala l-akbar dizgrazzja f’ħafna żmien.