Aktar minn 7,000 persuna li sofrew anomaliji fil-passat, se jieħdu bejniethom €12-il miljun, hekk kif għar-raba’ sena konsekuttiva, il-Gvern żamm il-wegħda elettorali tiegħu li jindirizza inġustizzji tal-imgħoddi.
Dan qed isir b’sejħa għall-applikazzjonijiet f’erba’ skemi, mingħand eks membri tal-korpi, eks ħaddiema tax-xatt u uffiċjali tal-Pulizija, li daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-sittax ta’ Jannar tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin.
L-iskema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-servizz pubbliku, hija marbuta maż-żmien li applikant għamel fis-servizz pubbliku minn wara li jkun ħa l-ħatra uffiċjalment sal-ġurnata tal-irtirar.
Hemm ukoll skema għall-eks membri tal-korpi li sabu impjieg fis-settur pubbliku, u hija l-aktar għall-membri tal-korpi li twaqqfu qabel l-elf disa’ mija disgħa u sebgħin, li meta temmew l-ingaġġ tagħhom, daħlu jaħdmu ma’ entitajiet u korporazzjonijiet fis-settur pubbliku. (GRAFIKA 2)
Din l-iskema hija disponibbli wkoll għall-eks impjegati tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta, u għal numru żgħir ta’ persuni li kienu impjegati bħala apprentisti mal-Malta Electricity Board u wara marru mal-Enemalta.
Minn dawn iż-żewġ skemi, li qed jitħaddmu mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, jistgħu jibbenefikaw aktar minn 4,000 persuna.
It-tielet skema hija mħaddma mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u hija miftuħa għal aktar minn sitt mitt eks-ħaddiem tax-xatt.
Ir-raba’ skema hija mfassla mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, u taħseb biex isiru parti mill-ħlasijiet dovuti lill-uffiċjali tal-Pulizija fuq sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009.
Il-benefiċċjarji f’din l-iskema jlaħħqu mal-2,500, u nofshom għadhom iservu. Huma kienu jew għadhom fil-grad ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Mark Musù spjega li persuni li applikaw għal dawn l-iskemi fil-passat u għadhom eliġibbli skont it-termini tal-iskemi, m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw.
Huwa spjega: “B’differenza mis-snin imgħoddija, din is-sena dawk li diġà qegħdin jitħallsu m’għandhomx għalfejn japplikaw allura qed nagħmluha aktar konvenjenti għalihom din id-darba li kemm-il darba ma kienx hemm xi bidla fiċ-ċirkostanza tagħhom m’għandhomx għalfejn japplikaw, għandhom bżonn japplikaw biss jew applikanti ġodda li sa issa qatt m’applikaw inkella eredi ta’ benefiċċjarji li kienu qed jitħallsu u mietu matul din is-sena.”
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li fuq medda ta’ erba’ snin, in-nefqa fuq dan il-kumpens se tkun telgħet għal kważi €50 miljun.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li b’din l-għotja qed jintbagħat sinjal ċar ta’ Gvern li verament jemmen fil-ġustizzja soċjali.
Il-Ministru Falzon sostniet: “Kien biss din l-amministrazzjoni, dan il-Gvern, li ħa dil-iżbriga, ħaddieħor qatt m’għamel xejn, imma aħna nemmnu li għandha ssir ġustizzja ma’ kulħadd u din is-sena ħa nerġgħu nagħmlu pagamenti oħrajn u għal darb’oħra żammejna kelmtna u urejna kemm verament nemmnu fil-ġustizzja soċjali.”
L-applikazzjonijiet u d-dokumenti meħtieġa għandhom jintbagħtu bil-posta jew jitwasslu fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fil-Belt, jew jintbagħtu b’email fuq socialsecurity@gov.mt.