Minn tal-inqas tlieta u sebgħin persuna sfaw vittmi ta’ attakki mill-forzi Iżraeljani fuq il-belt ta’ Beit Lahia fit-tramuntana tal-istrixxa ta’ Gaza.
Dan apparti li għexieren oħra spiċċaw indarbu filwaqt li oħrajn għadhom maqbuda taħt it-tifrik, skont uffiċjali tal-Hamas.
L-attakk seħħ matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, bl-awtoritajiet Iżraeljani jgħidu li għad iridu jikkonfermaw in-numru ta’ fatalitajiet għaliex in-numri indikati minn naħa l-oħra huma ‘esaġerati’ u ma jaqblux mal-informazzjoni li għandu l-militar Iżraeljan.
Hu mifhum li l-ġlied issokta wkoll dalgħodu fil-Libanu, hekk kif l-awtoritajiet Iżraeljani qalu li l-forzi tal-ajru attakkaw mal-mija ħamsa u sebgħin terrorist fl-aħħar ġurnata.