Fix-xahar ta’ Awwissu kien hemm medja ta’ 22,372 vjaġġatur li għadda mit-terminal ta’ kuljum, bl-għadd jilħaq il-quċċata tiegħu fl-aktar jum traffikuż tax-xahar li laħaq is-26,359 moviment ta’ passiġġieri. Total bla preċedent ta’ 693,537 passiġġier għaddew mit-terminal.
Dan it-traffiku f’Awwissu rriżulta f’żieda ta’ 14.8 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
L-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport – Ir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja – flimkien iġġeneraw aktar minn 460,000 moviment ta’ passiġġieri mit-traffiku totali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal Awwissu.
Filwaqt li dawn is-swieq kollha esperjenzaw livelli differenti ta’ tkabbir li jvarja minn 8.9 fil-mija għal 31.5 filmija, in-numru ta’ passiġġieri minn Franza (+31.5 fil-mija) u l-Ġermanja (+22.6 fil-mija) irreġistraw l-aktar qabża sinifikanti.
It-tkabbir tas-suq Franċiż jista’ jiġi parzjalment attribwit lit-tnedija tar-rotot ta’ Bordeaux u Tolouse u fis-seats miżjuda fuq ir-rotta ta’ Lyon. Min-naħa l-oħra, iż-żieda fl-attività mill-Ġermanja oriġinat primarjament minn żieda fil-frekwenza tat-titjira fir-rotot lejn Frankfurt u Munich. Fl-ewwel tmien xhur tas-sena l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ ftit aktar minn 4 miljun passiġġier, ekwivalenti għat-traffiku ta’ sena sħiħa tal-2013.