Ground staff fiż-żewġ ajruporti prinċipali ta’ Berlin,Tegel u Schoenefeld, bdew strajk ta’ 25 siegħa, u li mistenni jwassal biex ikunu kkanċellati iktar minn 650 titjira. It-tfixkil fl-operat tal-ajruport Tegel u Schoenefeld beda fl-4.00am tat-Tnejn filgħodu.
one.com.mt għamel kuntatt mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, biex jikseb informazzjoni dwar jekk dan l-istrajk hux se jkun qed jaffettwa titjiriet lejn u minn l-Ajruport ta’ Malta. L-Ajruport spjega li t-tijiriet lejn u minn dan l-Ajruport isiru biss l-Erbgħa u l-Ħadd u għalhekk għadu mhux magħruf jekk titjiriet minn u lejn Malta hux se jiġu affettwati.
Dan mhux l-ewwel strajk li sar mill-istaff tal-ajruport, hekk kif fl-aħħar ġimgħat saru numru ta’ strajks oħra minħabba tilwim mimli tensjoni fuq il-pagi. Il-Ġimgħa, strajk simili wassal biex madwar 700 titjira ma setgħux jitilqu mill-istess ajruporti.
Il-linja tal-ajru Lufthansa spjegat li se tkun qed tikkanċella t-titjiriet kollha tal-ġurnata tat-Tnejn mill-ajurport ta’ Frankfurt u Munich lejn Berlin u viċi versa. Linji tal-ajru oħra jinkludu Air Berlina, British Airways, Easyjet u Ryanair.
Il-ħaddiema qed jitolbu żieda fil-paga tagħhom.