Aktar minn 63,000 benefiċċjarju madwar Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn ħames pagamenti oħra li se jingħataw fi tmiem din il-ġimgħa u li se jammontaw għal aktar minn €25 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern indirizzata mill-Ministru responsabbli mill-qasam soċjali Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Fil-fatt, fi preżentazzjoni li ta s-Segretarju Permanenti Musù ġie spjegat kif il-benefiċċji li għalihom se jkunu qed joħorġu l-pagamenti tagħhom huma l-Bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja, l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Ogħli tal-Ħajja, il-bidu tal-ħlas tal-aġġustamenti fil-pensjoni għall-pensjonanti imwielda qabel l-1962 u anke il-Pensjonanti Romol.
12,963 persuna ser jieħdu bonus għaliex m’għandhomx biżżejjed bolol biex jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja, u dan ser isir b’nefqa ta’ €7.2 miljun.
Hawnekk il-bonus għal din is-sena qed jerga jiżdied b’ €50 u jitla’ għal €500 għal dawk li ħallsu bejn sena u 4 snin kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali, u €600 għal dawk li ħallsu bejn 5 u 9 snin kontribuzzjonijiet.
Fi tmiem din il-ġimgħa ser tingħata wkoll l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, fejn 39,980 persuna se jibbenefikaw minn din l-għotja, li se ssir b’investiment ta’ €14.9 miljun.
Dawk fl-eta’ bejn 75 u 79 sena jirċievu €300 fis-sena u dawk ta’ 80 sena u aktar jitħallsu €450 fis-sena.
Is-Segretarju Permanenti, Mark Musù qal illi ser isiru mal-3,520 pagament ieħor tal-benefiċċji addizzjonali tal-COLA
“Wara li f’Diċembru ħallasna aktar minn 92,000 familja issa se nkunu qed inħallsu 3,500 oħra biex b’hekk issa n-numru ta’ familji li kkwalifikaw għal dan il-benefiċċju se jkun qed jersaq lejn kważi 96,000 familja.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù
Intant, Musù kompla jgħid illi d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali diġà qed jipproċessa dawk il-każijiet ta’ pensjonanti imwielda qabel l-1962 sabiex b’mod gradwali jieħdu l-istess rata ta’ pensjoni ta’ dawk il-persuni li twieldu wara l-1962
“Hawnhekk qed nirreferi għal dawk li s-salarji tagħhom kien jaqbeż is-ceiling li issa kif nafu qed jogħla gradwalment. Hawnhekk għandna kważi 5,000 pensjonant li se jikkwalifikaw.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù
Mid-9 ta’ Frar, ser tingħata wkoll żieda addizzjonali għal 1,650 pensjonanti romol bħala parti mit-tkomplija ta’ proċess li għandu jwassal biex finalment sa 3 snin oħra jibdew jitħallsu l-pensjoni sħiħa li kellhom dritt għaliha l-konjuġi tagħhom kieku għadhom ħajjin.
Iż-żieda, li tkun addizzjonali mal-€15 li ħadu fil-bidu tas-sena tkun tvarja skont is-salarji li kellhom kellhom żwieġhom meta sfaw nieqsa.
Quddiem dan kollu l-Ministru Michael Falzon ħabbar kif ir-rata ta’ twettiq tal-miżuri tal-Baġit u li l-Ministeru tiegħu hu responsabbli għalihom hija ta’ 68% sal-ewwel xahar tas-sena. Dan filwaqt li r-r-rata ta’ twettiq tal-miżuri fil-manifest elettorali hija ta’ 57%.
“Mil-lum f’pajjiżna daħal fis-seħħ patt soċjali ġdid. Patt soċjali li huwa mmirat li ngħinu l-aktar lil dawk li huma vulnerabbli u li nżommu l-prezzijiet stabbli. Tħares lejn f’pajjiżi oħra, f’nofs l-Ewropa jekk mhux iktar, ħlief protesti u skuntentizza soċjali ma hemmx. F’pajjiżna wettaqna patt soċjali ieħor b’effett mil-lum.”
Il-Ministru Michael Falzon