Wara li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ħabbar li din is-sena l-Gvern reġa’ alloka somma ta’ flus biex jitħallsu dawk il-persuni li kienu ħallsu taxxa żejda fuq vetturi rreġistrati fl-2006, aktar minn 6,300 persuna se jirċievu l-ħlas imwiegħed din il-ġimgħa.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-ammont żejjed japplika għas-sidien ta’ vetturi li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru, 2006. Il-persuni eliġibbli għal din l-għotja se jirċievu l-pagament sħiħ tagħhom din il-ġimgħa permezz ta’ ċekk.
B’hekk il-Gvern se jkun wettaq miżura oħra mħabbra fil-Budget u għar-raba’ sena konsekuttiva se jkun qed ipoġġi aktar flus bil-bwiet tan-nies. Fil-fatt, jekk wieħed jgħodd l-ammont li l-Gvern qassam matul l-ewwel erba’ snin ta’ din il-leġiżlatura flimkien ma’ dawk li se jitqassmu din il-ġimgħa, jirriżulta li se jkunu tqassmu b’kollox madwar 14-il miljun ewro.
Kif imwiegħed, il-Gvern hu kommess li jagħti l-flus kollha sakemm issir ġustizzja ma’ kulħadd. Għaldaqstant l-istess proċess se jiġi adottat għas-snin konsekuttivi għal vetturi rreġistrati fis-snin 2007 u 2008, sakemm ikunu tħallsu l-pagamenti kollha lill-applikanti eliġibbli.