Aktar minn sittin fil-mija tal-adulti f’Malta huma mlaqqma b’minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Ma’ ONE News, fil-jum li ġew rilaxxati numru ta’ miżuri fil-pjan meqjus tal-Gvern, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li numru sostanzjali mill-persuni li tlaqqmu f’pajjiżna, ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin.
Qalet li hekk kif illum komplew jonqsu l-miżuri, huwa kruċjali li jibqgħu jiġu segwiti l-mezzi ta’ mitigazzjoni.
Filwaqt li appellat biex kull min hu eliġibbli, jirreġistra biex jitlaqqam, saħqet fuq l-importanza li meta nattendu fil-postijiet li qed jinfetħu, inżommu d-distanza, nilbsu l-maskri u naħslu idejna ta’ spiss.
“B’dawn l-affarijiet kollha flimkien, nibqgħu mexjin, inżommu n-numri baxxi u jkollna kontroll tas-sitwazzjoni biex nibqgħu għaddejjin mill-pandemija bl-inqas impatt possibbli”, temmet il-Prof. Gauci.