Aktar minn sittin persuna marru jagħmlu rapport fil-hub il-ġdid tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru f’Santa Luċija, f’inqas minn xahar li beda jopera.
Dan iċ-ċentru, miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, qed joffri diversi servizzi ta’ appoġġ u għajnuna lill-vittmi minn professjonisti, ħaddiema mħarrġa fil-qasam, u membri tal-Korp.
B’differenza għat-Taqsima dwar il-Vjolenza Domestika li hemm fid-Depot, li fetħet lejn l-aħħar tal-elfejn u għoxrin, il-hub f’Santa Luċija joffri ambjent aktar adattat għal dawn it-tip ta’ każijiet, fejn ħafna drabi l-vittmi jkunu jirrikjedu kuraġġ kbir biex jaslu jagħmlu l-pass u jirrappurtaw.
Biss biss, waħda mill-kmamar ġiet imfassla apposta fuq mudell Ingliż, b’kuluri u ambjent li ssib f’dar, li malli tidħol fiha, tħoss element ta’ kalma.
Dwar dan tkellmet aktar Ann Marie Ciantar, is-Service Manager tas-Servizzi tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Qalet, “L-ambjent huwa aktar akkoljenti, hawn iktar kwiet, mhux l-ambjent Polizjesk bħalma nsibu ġewwa d-Depot, u fl-istess ħin anki l-aċċesibilità tiegħu. Id-Depot anki n-nies, sakemm imorru, sakemm isibu jipparkjaw, l-aċċess tal-madwar huwa daqsxejn diffiċli sakemm jidħlu, u anki l-post qisu jbeżża’ daqsxejn speċjalment fejn għandek vittmi jmorru bit-tfal. Hawnhekk il-post huwa attrezzat iżjed u sensittiv għall-bżonnijiet tal-vittmi u t-tfal tagħhom.”
Lil Ann Marie tkellimna magħha peress li l-FSWS qed toffri s-servizz ta’ risk assessors erbgħa u għoxrin siegħa kuljum f’dan il-hub.
Qalet, “Qed nippruvaw nagħtu servizz aktar terapewtiku. Għalkemm il-Pulizija min-naħa tagħhom iridu jagħmlu xogħolhom u jiġbru l-evidenza u r-rapporti, xorta waħda mbagħad min-naħa tagħna bħala risk assessors trained biex jagħmlu r-risk assessment u mħarrġa f’helping skills u f’affarijiet biex ikunu close mal-vittma u jgħinnuha b’mod ħolistiku, biex il-persuni jkunu iktar komdi u jħossuhom iktar safe and secure meta jagħmlu r-rapporti.”
Fi żjara li crew ta’ dan l-istazzjon għamel f’dan il-hub biex jifhem kif qed jopera, tkellimna mal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma, li spjegalna kif b’differenza għall-perċezzjoni ta’ ħafna, li jaħsbu li dawn il-każijiet iseħħu meta raġel isawwat mara, hemm ħafna aktar tipi ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
Fil-fatt, qed tiġi nnutata żieda fil-ġenituri li jirrappurtaw abbuż minn uliedhom.
Qal, “Vjolenza domestika tista’ tkun bejn persuni li joqogħdu taħt l-istess saqaf li jiġu minn xulxin, nanniet, zijiet, aħwa, ġenituri fuq it-tfal, it-tfal fuq il-ġenituri – fil-fatt fuq dan il-punt qed naraw żieda fl-ammont ta’ rapporti ta’ ġenituri, ħafna minnhom anzjani, li jirrappurtaw lit-tfal tagħhom, fuq abbużi ta’ natura domestika – ħafna drabi jkun hemm elementi ta’ mental health u addictions, bħad-droga.”
L-Assistent Kummissarju spjega kif fil-proċess tat-teħid tar-rapport, huwa importanti li l-vittmi jifhmu li r-rapport huwa ex officio, għall-ġid tagħhom stess.
Qal, “Huwa rapport li ma tistax, wara li tkun għamiltu, tiġi ġurnata, jumejn, tliet xhur, erba’ xhur wara, u tgħidilna reġa’ bdieli. Dan fl-aħjar interess tal-vittmi. Hemm min jifimha dik, hemm min ma jifimhiex, imma l-idea li jkun ex officio, biex mhux tiġi tagħmel rapport u wara ftit jiġi l-partner jew xi ħadd u bit-tajjeb jew ħażin jikkonvinċik biex twaqqa’ r-rapport, għax l-affarijiet jaggravaw jistgħu.”
Kull min jagħmel użu minn dawn is-servizzi, huwa mħeġġeġ jimla kwestjonarju qasir li huwa aċċessibbli minn kodiċi li hemm fil-Hub stess, biex min jieħu ħsieb ikun jaf x’hemm tajjeb, u x’jista’ jkun hemm aħjar, dejjem bil-għan li s-servizz għall-vittmi jkun tal-ogħla livell.