Aktar minn ħamsin elf persuna laqgħu s-sena l-ġdida fiċ-ċelebrazzjonijiet li ttellgħu bħala parti mill-programm ‘Christmas in the Capital’ mtella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Dan il-kunċert, mtella’ fi Pjazza San Ġorġ, ra s-sehem ta’ numru kbir ta’ kantanti u mużiċisti Maltin b’Lara and the Jukeboys band. Wara mbagħad ħadet ir-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line-up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom kien hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.
Eżatt qabel it-tokki ta’ nofsillejl imbagħad, il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy ferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li kienu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar fejn ingħata bidu kif jixraq lis-sena 2024.
Il-preżentaturi ta’ din is-serata kienu Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar. Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena ġew organizzati minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Intant, fi Pjazza Indipendenza fit-Rabat, Għawdex ukoll itella’ spettaklu li laqa’ s-sena l-ġdida u li ra s-sehem ta’ Jolene Samhan u l-band tagħha, il-band DCapitals flimkien mall-kantanti Ozzy Lino, Eliza Stellini, Gail Attard, Alexia Micallef u Francesca Sciberras, Id-DJ Ryan Spiteri u ‘l mistiedna internazzjonali, VengaBoys bħala parti mit-tour tagħhom fiċ-ċelebrazzjoni ta’ 25 sena ta’ mużika bla waqfien.
Dan l-ispettaklu ttella’ bħala parti minn ‘Christmas in Gozo’ li ttella’ mid-direttorat għal wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru ta’ Għawdex.