Aktar minn ħamest elef persuna diġà għamlu użu mis-servizzi offruti fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, minn kemm ilu li ġie rinnovat u reġa’ beda jilqa’ l-pazjenti x-xahar li għadda.
ONE News żar dan iċ-ċentru, li malli tirfes fih mill-ewwel tintlaqa’ f’ambjent modern, imdawwal u spazjuż, li bid-dedikazzjoni tal-professjonisti li jaħdmu fih, qed joffri l-aqwa ambjent u kura lill-pazjenti li jiġu bżonn il-kura.
Mill-ewwel stajna ninnotaw l-organizzazzjoni fiċ-ċentru, li minn meta reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu, beda joffri wieħed u għoxrin servizz ta’ kura primarja b’kollox.
Sitta minn dawn is-servizzi huma kompletament ġodda, filwaqt li oħrajn li diġà kienu jingħataw, issaħħu, b’investiment fi kmamar akbar u b’apparat aktar speċjalizzat, kif spjegalna t-Tabib Glenn Garzia.
Qal, “Bħala servizzi, iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara minn dejjem kien joffri servizz estensiv, imma issa żidna servizzi ġodda u saħħaħna li kellna. Pereżempju, bħala servizzi ġodda għandna l-Wellbaby Clinic, li qabel ma kellniex, u għandna wkoll dik li ngħidulha l-GP Appointment Clinic fejn inti tista’ tiġi tara t-tabib b’appuntament flok tistenna wara n-nies. Bħala upgrades, għamilna tiġdid f’kollox, tista’ tgħid, imma pereżempju għamilna ophtalmic clinic ġdida b’equipment ġdid u modern, għandna aktar kmamar għall-GP u attrezzati b’negative pressure minħabba infezzjonijiet.”
It-tabib spjega kif dan ir-rinnovar, li sar b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro b’finanzjament mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, qed jissarraf f’ambjent aħjar, mhux biss għall-pazjenti, imma wkoll għat-tobba u l-professjonisti l-oħrajn, biex jagħtu kura aqwa.
Qal, “Meta inti taħdem f’post modern, tkun tista’ tara lill-pazjent aħjar, għax ikollok iktar equipment, iktar spazju u dak l-ispazju jkun użat b’mod aħjar.”
It-tabib kompla jispjega kif bl-investimenti li qed isiru fil-kura primarja, b’mod partikolari f’dan iċ-ċentru, li jżuruh aktar minn mitejn persuna kuljum, tkompli tonqos il-pressjoni minn fuq l-Isptar Mater Dei.
Qal, “Bħala servizz tagħna jinkludi t-treatment room, li qegħdin fiha, naraw pazjenti li jkollhom problemi li jridu jiġu eżaminati dak il-ħin, jiġifieri dawn pazjenti li setgħu marru Mater Dei, però hawnhekk nistgħu narawhom ukoll u b’dak il-mod innaqqsu l-load fuq l-Emerġenza ta’ Mater Dei, li jkunu jistgħu jaraw pazjenti li jkollhom bżonnhom iktar. Minbarra hekk, aħna noffru wkoll servizz ta’ Telemedicine, fejn pazjent jista’ jċempel qabel jiġi hawn u nkunu nistgħu nqabbduh ma’ tabib speċjalizzat biex ikun jista’ jingħata aktar għajnuna li jkollu bżonn.”
Fil-fatt, appella biex min ikollu dubju dwar minn fejn jista’ jinqeda, jagħmel użu mis-servizz tat-Telemedicine, billi jċempel fuq 21222444 jew 21231231.
Fuq dawn il-linji, iwieġeb dejjem tabib li jkun jista’ jiggwida lill-pazjent f’liema ċentru jew sptar għandu jmur biex jinqeda għal li jkollu bżonn.
B’hekk is-servizz ikun aktar effiċjenti, kemm għall-professjonisti, li jkunu xogħol, u speċjalment għall-pazjent li jinqeda aktar malajr.