Minn tal-inqas 500 persuna tilfu ħajjithom f’attakk fuq l-Isptar ta’ Al Ahli, fiċ-ċentru tal-Istrixxa ta’ Gaza, fil-Palestina.
Mal-midja internazzjonali, kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa Palestinjan qal li hemm minn tal-inqas mal-500 persuna li mietu kawża ta’ dan l-attakk.
Dan l-isptar kien qed jagħti kura lill-eluf ta’ Palestinjani feruti u madwar 4,000 persuna oħra li kienu qed jieħdu kenn f’dan l-isptar, minħabba li spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Filmati fuq il-midja soċjali minn fuq il-post fejn seħħ dan l-attakk, juri numru ta’ persuni, fosthom anki tfal, bla ħajja.
Uffiċjali Iżraeljani ċaħdu li dan l-attakk seħħ min-naħa tagħhom.
Wara dan l-attakk, il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.
Dwar dan l-attakk irreaġixxa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, fejn fuq il-midja soċjali, kiteb li l-attakk fuq sptar f’Gaza huwa ta’ min jikkundannah.
Ian Borg tenna li Malta tappella għar-rispett tal-liġijiet internazzjonali biex ikunu pproteti l-ħajjiet tan-nies ċivili.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti sostna li huwa xxokkjat li mijiet ta’ persuni nqatlu f’dan l-attakk u ntqal li l-ħajjiet tal-persuni m’għandhomx ikunu fil-mira.
The destruction of a hospital in Gaza is appalling. We call for the respect of international law to protect civilian lives. I am shocked to learn that hundreds have been killed, civilian lives must not be targeted nor used as a human shield.
— Ian Borg (@MinisterIanBorg) October 17, 2023