F’inqas minn tliet xhur, il-Pulizija Maltija rċeviet aktar minn ħames mitt rapport ta’ persuni li waqgħu għan-nassa ta’ frodisti, billi rrispondew għal messaġġi jew telefonati qarrieqa.
Fost l-aktar riċenti hemm messaġġi li qed jimpersonaw banek jew kumpaniji postali, li jibagħtu link biex iħeġġu lin-nies jidħlu fiha fejn ikunu jistgħu jagħtu d-dettalji bankarji tagħhom.
L-Ispettur Timothy Zammit, mit-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija, spjega ma’ dan l-istazzjon kif mal-mument li bniedem jagħfas il-link, ikun qed jagħti l-aċċess lill-frodist għal dettalji personali.
Qal, “Meta inti tikklikkja l-link f’dawn il-messaġġi, ġeneralment inti tiġi dirett għal website fittizja li hija qarrieqa, li tkun qed timpersonifika jew lil xi operatur postali, jew xi bank, jew xi Dipartiment tal-Gvern. Hemmhekk il-persuna jiġi mħeġġeġ biex idaħħal id-dettalji tiegħu jew biex jagħmel xi pagament ta’ ewro jew tnejn, jew inkella saħansitra biex mingħalih ħa jirċievi xi forma ta’ rifużjoni lura.”
Minbarra messaġġi, diversi persuni qed jirċievu wkoll telefonati qarrieqa. L-Ispettur spjega li l-mudell huwa l-istess; fejn persuna tintalab id-dettalji personali tagħha.
Spjega, “Fl-aħħar ġimgħat iltqajna wkoll ma’ ċirkostanzi fejn persuni kienu qed jirċievu telefonata, u allura mhux messaġġ, fejn il-messaġġ fil-bidu kien ikun messaġġ irrekordjat fejn persuna tgħidilhom li qed iċċempel mill-Pulizija jew minn Dipartiment ieħor tal-Gvern u jgħidulhom li dawn hemm bżonn li jagħtu xi dettalji tagħhom u jistednuhom jagħfsu n-numru wieħed jew xi numru ieħor. Il-mument li persuna tagħfas in-numru wieħed, titkellem ma’ persuna attwali, ta’ vera u din il-persuna se tiġbor l-informazzjoni bl-istess mod mingħand il-persuna jiġifieri f’ċertu każijiet iltqajna wkoll ma’ persuni li għaddew id-dettalji tal-karta tal-kreditu tagħhom permezz tat-telefon u mhux billi daħlet f’sit.”
Il-Pulizija qed tinvestiga r-rapporti biex tressaq lil min hu wara dan il-qerq, quddiem il-ġustizzja.
Bħalissa qed jintbagħtu diversi messaġġi mill-Pulizija Maltija f’appell ċar għall-attenzjoni.
Qal, “Il-frodist qiegħed juża t-teknoloġija b’mod ħażin u aħna qegħdin nużaw l-istess teknoloġija biex inwasslu l-messaġġ taħgna, li persuna għandu joqgħod attent qabel ma jikklikkja fuq link, qabel ma jirrispondi telefonata, qabel ma jgħaddi informazzjoni personali tiegħu nnifsu, tajjeb li nieqfu, nieħdu nifs ’il ġewwa u naħsbu fuq il-konsegwenzi qabel naġixxu.”