Matul is-Sajf, aktar minn 500 persuna minn 20 organizzazzjoni ipparteċipaw fil-kampanja Islands Clean-Up ta’ dan is-sajf.
Waqt ċerimonja ta’ premjijiet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Entitajiet Governattivi, NGOs, kumpaniji privati u organizzazzjonijiet oħra, li huma rappreżentanti ta’ dawn il-voluntiera irċevew ċertifikati ta’ premju bħala ringrazzjament tal-kontribuzzjonijiet ekoloġiċi tagħhom.
Il-voluntiera ngħaqdu f’aktar minn għaxar attivitajiet ta’ tindif f’bajjiet u widien f’Malta u Għawdex.
Waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret lill-voluntiera għall-xogħolhom sabiex l-ambjent jinbidel għal wieħed aktar nadif filwaqt li nkoraġġiethom sabiex ikomplu jaqsmu dan il-messaġġ pożittiv fil-komunitajiet tagħhom.
Qalet, “Fil-fatt, għat-tielet sena konsekuttiva qed inżommu l-impenn tagħna li għal kull tunnellata ta’ skart li tinġabar, jitħawlu żewġ siġar u allura din is-sena grazzi wkoll għal ħidma li jagħmlu entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati, NGO’s, kunsilli lokali li ingħaqdu magħna ser ikunu qed jitħawlu xejn inqas minn 4,000 siġra għaliex b’kollox inġabru 2000 tunnellata ta’ skart.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul esprima l-gratitudni tiegħu għall-ħin li ddedikaw dawn il-voluntiera kollha favur Malta aktar ekoloġika u nadifa.
Qal, “Illum tajna rikonoxximent lil għexierent ta’ kumpaniji u anke entitajiet governattivi li fl-aħħar xhur kienu tant strumentali sabiex irnexxielna nnaddfu aktar minn għaxar lokalitajiet madwa Malta u Għawdex. Numru ta’ widien u numru ta’ bajjiet li bis-saħħa ta’ xejn inqas minn 500 individwu illum huma ħafna aktar nodfa. L-appell tagħna ovvjament ikun għal pubbliku ġenerali biex iżomm dawn il-postijiet dejjem aktar nodfa.”