Is-sena li għaddiet il-vapuri tal-Gozo Channel żiedu b’aktar minn 7% l-għadd ta’ karozzi u passiġġieri li ġarrew bejn Malta u Għawdex bil-konsegwenza li l-kumpanija żiedet il-vjaġġi b’aktar minn 1,090 vjaġġ f’sena waħda.
Fil-fatt, ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul is-sena li għaddiet it-tliet vapuri tal-kumpanija ġarrew aktar minn 5,700,000 passiġġieri.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li ż-żieda fil-passiġġieri wasslet ukoll biex matul is-sena li għaddiet, il-vapuri tal-Gozo Channel għamlu total ta’ 23,619-il vjaġġ.
Din kienet tfisser żieda ta’ kważi 5%, jew 1,090 vjaġġ meta mqabbel mal-2017.
Bejniethom dawn ġarrew kważi miljun, sitt mija u sittin elf karozza, kważi mija u sittax-il elf vettura aktar mill-2017. L-NSO qal li din kienet tfisser ukoll żieda ta’ 7.5%.
Bħas-snin ta’ qabel, Awwissu baqa’ l-aktar xahar bieżel għall-kumpanija bil-gżira tat-tliet għoljiet tibqa’ destinazzjoni popolari mal-Maltin u t-turiti fl-aqwa tal-btajjel tas-sajf.
L-NSO qal li l-aktar jiem bieżla fil-port taċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt waqt li fl-Imġarr Għawdex kienu s-Sibt u l-Ħadd.