Fil-Libanu, aktar minn 558 persuna tilfu ħajjithom, fosthom 35 tifel u tifla, u 58 mara, u aktar minn 1,654 persuna oħra sfaw feruti f’attakki minn Iżrael fuq il-Libanu. Skont Iżrael dan l-attakk hu indirizzat primarjament lejn il-grupp paramilitari Hezbollah.
Dan tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa tal-Libanu, hekk kif l-istess pajjiż esperjenza l-agħar ġurnata ta’ kunflitt f’20 sena. B’konsegwenza ta’ dan, eluf ta’ nies spiċċaw evakwaw id-djar tagħhom.
Sadanittant, il-grupp Hezbollah sparaw mal-200 missila lejn it-tramuntana ta’ Iżrael, fejn paramediċi fuq il-post irraportaw li żewġ persuni ndarbu mit-tiġrif tal-missili. Il-Hezbollah qalet li dalgħodu attakkat fost oħrajn fabbrika tal-armi f’Iżrael.
Huma ħafna l-mexxejja globali li qed jisħqu għall-paċi fil-Lvant Nofsani qabel din il-ġlieda teskala f’gwerra totali, bis-Segretarju tal-Ġnus Maqgħuda Antonio Guterres jisħaq li ma jridx jara lil-Libanu tispiċċa Gaza ġdida.