Bħalissa, aktar minn erba’ mija u ħamsin persuna f’pajjiżna li qed jiġġieldu sfidi ta’ saħħa mentali, qed jirċievu l-kura fi djarhom stess jew fil-komunità.
Dan grazzi għal numru ta’ timijiet ta’ professjonisti li jagħtu servizz ta’ outreach, bil-għan li n-nies jibqgħu fil-komunità u mal-familji tagħhom.
ONE News tkellem ma’ Thekla Micallef, iċ-charge nurse tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, li tieħu ħsieb is-servizzi li jkopru n-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Qalet, “Xogħolna huwa li mmorru fid-djar ta’ nies li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, l-iktar nies li għandhom bżonn sapport, l-iktar nies li huma akuti u li għandhom bżonn interventions intensivi sew.”
Hija spjegat li l-maġġoranza tal-pazjenti li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi, xi darba jew oħra jkunu missew mas-servizzi tas-saħħa mentali f’xi sptar jew klinika fil-pajjiż.
Dawn imbagħad jibqgħu jiġu segwiti biex ma jkollhomx għalfejn jidħlu fl-Isptar Monte Carmeli.
Qalet, “L-iktar li naraw bħalissa nies li jużaw is-sustanzi u jkunu ġew b’sintomi ta’ psikożi u dawk ikollhom bżonn regular follow ups li nibqgħu narawhom, għandek nies b’depression, schizophrenia, varjetà, però dawn huma l-maġġoranza tas-servizzi tagħna.”
Kull każ u kull esperjenza jkunu differenti, iżda l-aktar li jkunu ta’ għafsa ta’ qalb għal Thekla huma l-każijiet li jinvolvu t-tfal.
Qalet, “Personalment, esperjenzi li jmissuni, meta tiltaqa’ ma’ omm li ovvjament ikollha problemi ta’ saħħa mentali u għandha t-tfal. Dan ħa jagħmel effett fuq it-tfal imma meta inti tmur tara t-tfal, iġġib feedback mill-iskola, dan ħa jagħmel effett għaliex it-tfal huma innoċenti u mhux tort tal-omm għax l-omm qed tbati minn kundizzjoni bħal li kieku seta’ kellha d-dijabete, imma ovvjament dan jagħmel effett fuq it-tfal.”
Thekla kellha appell b’saħħtu ħafna biex kull min hu għaddej minn xi problema ta’ saħħa mentali, ifittex l-għajnuna.
Qalet, “L-ewwel punt huwa tmur għand tabib, it-tabib jibgħatek għand il-psikjatra imbagħad is-servizzi li għandek bżonn qegħdin hemm, noffruwhom u jibbenefikaw minnhom in-nies.”
Kull min ikollu bżonn l-għajnuna b’mod immedjat, jista’ jċempel fuq il-helpline 1579, li tnieda ftit tal-ġimgħat ilu u qed jopera fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum minn professjonisti mħarrġa apposta biex jgħinu fi kwalunkwe każ ta’ kriżi, ikun x’ħin ikun.