Matul is-sena li għaddiet, ngħataw 43,268 ċitazzjoni minn speed cameras.
Dan minn informazzjoni li kiseb ONE News, hekk kif dawn iċ-ċitazzjonijiet ingħataw minn 21 speed camera li hawn f’pajjiżna.
Bl-iżjed speed camera fejn ingħataw ċitazzjonijiet fiha tkun dik li hemm f’Ħ’Attard, fejn hemmhekk minħabba li hija żona residenzjali l-ammont ta’ veloċità massima hija ta’ ħamsin kilometru fis-siegħa.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija tal-infurzar, il-LESA, Svetlick Flores li qal kif sabiex jitwaħħlu speed cameras ġodda hemm proċess sħiħ.
Huwa qal, “Dan dejjem isir wara li jkun sar studju neċessarju, jiġifieri wieħed mhux jaqbad u jiddetermina, għax hemmhekk hemm overspeeding mela se jitweħħel speed camera, imma jkun hemm studju intensiv, fosthom tidħol l-awtorità tat-trasport ta’ Malta, li fihom jiġu analizzati d-diversi dinamika u dinamiki tat-toroq.”
F’dan l-istudju jittieħed l-ammont ta’ kemm hemm inċidenti u jaraw kemm jgħaddu karozzi minn dik it-triq partikolari, fost oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA qal magħna kif l-erba’ speed cameras li ser jitwaħħlu fiż-żmien li ġej fi Triq il-Kosta, tnejn f’kull direzzjoni, se jsiru wara li sar dan l-istudju.
Dwar iċ-ċitazzjonijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija tal-infurzar spjega kif hemm żewġ tipi ta’ ċitazzjoni f’dawn il-każijiet.
Flores fisser: “Il-multi jvarjaw fuq żewġ binarji, għandek il-multi, dawk li jaslu sa ‘l fuq minn 15-il kilometru fis-siegħa tal-massimu li huwa aċċettat fit-triq u għandek dawk li jkunu bejn l-limitu aċċettat fit-triq sa 15-il kilometru fis-siegħa. Jiġifieri hemmhekk għandek żewġ tipi ta’ multi differenti, li jirrifflettu wkoll is-sewqan eċċessiv li jkun qed isir.”
Flores qal magħna kif iċ-ċitazzjonijiet ivarjaw minn erbgħa u tletin ewro sa disgħa u sittin ewro.
Qal kif imbagħad wieħed jista’ jikkontesta din iċ-ċitazzjoni quddiem it-tribunal.