- Is-servizz ta’ emerġenza se jissaħħaħ permezz ta’ mobile application
Fis-sena 2016, il-control room tal-Pulizija irċeviet 407,130 telefonata fuq in-numru 112, bl-aktar xhur bieżla jibqgħu dawk tas-sajf b’ Lulju jleħħaq is-37,544 telefonata.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela waqt żjara li għamel f’attivita’ edukattiva li saret fl-istazzjon tat-tifi tan-nar fix-Xemxija. Membri mill-Pulizija, Armata u Protezzjoni Ċivili iltaqgħu mat-tfal minn skejjel primarji u għallmuhom fuq l-użu responsabbli tan-numru 112.
“Il-112 huwa servizz għall-emerġenza biss, tiċċajtax – tirriskjax ħajjiet”, saħaq il-Ministru flimkien mal-membri mis-servizzi tal-emerġenza.
Il-Ministru Abela semma’ li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ is-servizz tal-112 għaliex huwa dak li joffru s-serħan tal-moħħ lil pubbliku li f’każ ta’ emerġenza, meta l-persuna jkollha bżonn l-għajnuna imminenti, hemm l-assikurazzjoni.Irrimarka li bħalissa qegħda issir ħidma fi ħdan il-Ministeru għall-Intern sabiex tiġi żviluppata applikazzjoni tal-mobile ddedikata għas-servizz tal-112. Żied jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jniedi is-servizz tal-112mt mobile application, fejn il-pubbliku ser ikun jista’ jibda jagħmel użu minn din l-applikazzjoni għal kull għajnuna li jkollu bżonn f’każijiet ta’ emerġenza kemm permezz ta’ sms u anke telefonati.
L-Onorevoli Abela semma li l fl-aħħar sena l-aktar talbiet li kienu prominenti fuq in-numru 112 baqgħu dawk marbuta ma assistenza medika, inċidenti tat-traffiku, talbiet għal vetturi kontra t-tifi tan-nar u anke għal assistenza ta’ salvataġġ.
Huwa rrefera lejn żewġ figuri li għadhom inkwetanti u appella lil pubbliku għal iżjed kawtela. Dawn jinkludu in-numru ta’ hoax calls fejn fis-sena 2016 dawn irriżultaw għal 4,713. F’ċirkostanzi simili il-persuni tal-control room ikollhom jgħaddu minn esperjenzi ta’ kliem mhux xieraq u nies li jaħlulhom il-ħin.
Kien hemm ukoll numru sostanzjali ta’ wrong numbers li fis-sena 2016 wassal għal 18,102 telefonata. “Dan huwa numru ta’ emerġenza. Kull telefonata minn dawn tista tieħu post telefonata oħra li l-każ tagħha jkun ta’ ħajja jew mewt”.
L-Onorevoli Abela irringrazzja l-membri tas-servizzi tal-emerġenza kollha f’dan il-pajjiż għad-dedikazzjoni tagħhom 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa, sabiex jipprovdu servizz ta’ assistenza tal-ogħla kwalita’, fl-inqas ħin possibli.
Is-servizzi tal-Emerġenza flimkien mal-Ministru Abela sostnew mat-tfal li huma wkoll jistgħu jkunu protagnisti biex isalvaw il-ħajjiet. Appellawlhom biex meta huma jew il-qraba tagħhom iċemplu 112 iżommu kalmi, jkunu preċiżi u jgħaddu b’mod ċar id-dettalji lill-operatur, b’mod partikolari l-indirizz tal-post.
Din l-attivita’ edukattiva kienet organizzata bħala parti minn sensiela ta’ kampanji ta’ għarfien li jsiru fl-Ewropa biex jimmarkaw il-jum internazzjonali fuq in-numru 112.
Ritratti: DOI, Clifton Fenech