Fl-ewwel sitt ġimgħat minn meta beda s-servizz ta’ trasport b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq għamlu użu minnu aktar minn 4,000 persuna.
Dan il-proġett pilota qed isir b’investiment ta’ €162,000 li huma ffinanzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u qed ikun offrut kull 20 minuta bejn ill-Ħamis u l-Ħadd mill-10:00 ta’ filgħodu sa nofsillejl.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan is-servizz se jkun qed jindirizza l-problema tal-parkeġġ, li kienet qed iżżomm lil ħafna nies milli jżuru Wied iż-Żurrieq.
Għal dan il-proġett pilota qed jintużaw żewġ xarabanks tal-Malta Public Transport li għandhom miktub fuqhom: ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq.’ Dawn ix-xarabanks qed jiġbru passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi u minn żewġ pjazez ewlenin, tal-Qrendi u taż-Żurrieq.
Barra minn hekk f’San Niklaw inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza privata tiegħu hemm.