Aktar minn 4,000 student tas-sitt sena ser jirċievu pencil case magħmul minn prodotti sostenibbli.
Dan ser ikun qed jitqassam fi skejjel madwar Malta u Għawdex, inklużi dawk pubbliċi, privati u tal-Knisja.
Flimkien ma’ dawn ingħataw ktieb ta’ Trevor Żahra li jkompli jżid l-għarfien tal-istudenti dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat kif permezz ta’ dawn l-oġġetti li qed jitqassmu l-istudenti qed jingħataw tagħrif importanti: “Tajniehom dan il-ktejjeb, tajniehom ukoll ‘pencil pockets’ li huma magħmulin minn materjal riċiklat biex nagħlmuhom dwar dawn il-kunċetti importanti ta’ żvilupp sostenibbli, riċiklaġġ u kif għandna ma narmux, anzi nerġgħu nutilizzaw materjal li flok narmuh inkunu qed nagħmluha f’affarijiet li nistgħu nużaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u b’hekk inkunu qed nagħmlu d-differenza.”
Il-Ministru għas-Sostenibbilità Miriam Dalli spjegat kif il-kunċett ta’ sostenibbilità li tant jidher ikkumplikat għat-tfal qed ikun simplifikat b’suċċess: “Nixtiequ li ngħallmu lit-tfal tagħna dwar x’ifisser żvilupp sostenibbli. Meta nitkellmu dwar sostenibbilità hija kelma kbira ħafna għalihom imma huma affarijiet li jistgħu jagħmlu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u li permezz tagħhom nistgħu nagħmlu pajjiż ħafna aħjar.”
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Marija Regina laqa’ dan il-metodu innovattiv ta’ tagħlim: “L-istudenti tagħna semgħu daqsxejn fuq l-iżvilupp sostenibbli u setgħu għalhekk jgħaddu messaġġ anke fid-djar tagħhom lill-familjari tagħhom, lin-nanniet, lill-ġenituri, lill-ħuthom u z-zijiet ta’ kif nieħdu ħsieb ta’ xulxin, ħsieb tal-ambjent tagħna.”