Ġie ffirmat it-tieni ftehim kollettiv għall-uffiċjali korrettivi, li se jfisser żieda fis-salarju ta’ mill-inqas €5,000 fis-sena, b’investiment fil-ħaddiema ta’ madwar €33 miljun fuq ħames snin.
Minbarra t-titjib fis-salarju, l-uffiċjali se jkunu qed igawdu minn żieda sostanzjali fl-active-duty allowance kif ukoll fix-shift allowance.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol qalet li kienet proprju din l-amministrazzjoni li, għall-ewwel darba, tat id-dritt lil dawn il-ħaddiema biex jissieħbu f’unjin u jinnegozjaw ftehim kollettiv, bl-ewwel wieħed jiġi ffirmat fl-2021.
Permezz ta’ dan il-ftehim kompla jissaħħaħ il-kumpens finanzjarju ġust għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.
Dan hekk kif qabel din l-amministrazzjoni, uffiċjal korrettiv kien obbligat jaħdem 46 siegħa mingħajr ma jingħata kumpens għas-sitt sigħat żejda li kien jaħdem. Dan it-tieni ftehim issa se jbiddel dak il-kumpens f’overtime u, għalhekk, għalih il-ħaddiem se jibda jitħallas bil-prinċipju tas-siegħa, siegħa u nofs.
Flimkien ma’ dan il-ftehim, ġie wkoll iffirmat, għall-ewwel darba, ftehim għall-ħaddiema amministrattivi tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li qed isaħħaħ id-drittijiet u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 20 ħaddiem ieħor b’investiment li jaqbeż il-€1 miljun fuq ħames snin.
Il-Ministru responsabbli Byron Camilleri tenna kif dawn il-ħaddiema u oħrajn kienu strumentali biex issir bidla totali fil-ħabs fl-aħħar snin. Għalhekk qed ikompli jsir investiment fihom u jingħataw il-fiduċja ħalli jkomplu bil-ħidma u jtejbu s-servizz tagħhom.
“Dan hu l-aħjar mod biex inkomplu f’din it-triq eċċellenti li qbadna fejn bdilna b’mod totali l-ħabs anke bis-saħħa ta’ dawn il-ħaddiema. Kommessi li, bħala Gvern u Ministeru, bl-istess mod li ffirmajna 18-il ftehim kollettiv fl-aħħar snin, se nkomplu nagħmlu hekk, għax nemmnu fil-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, qal li dawn il-ftehimiet huma parti mir-rivoluzzjoni industrijali li saret fil-korpi dixxiplinati biex il-ħaddiema jimxu ’l quddiem fil-kundizzjonijiet.
“Din hi parti minn rivoluzzjoni industrijali li saret fil-korpi dixxiplinati minn meta ngħataw id-dritt li jistgħu jissieħbu ma’ union u l-General Workers’ Union, bit-Taqsima għad-Drittijiet tal-Korpi Dixxiplinati u Uffiċjali tas-Sigurtà, ħadmet bi sħiħ biex il-ħaddiema jimxu ’l quddiem.”
Segretarju Ġenerali, Josef Bugeja