Il-Ħamis, l-avukat Dean Armstrong qal li aktar minn 400 allegat vittma s’issa kkuntattjaw lit-tim legali li qed jaħdem fuq każ kontra l-mejjet biljunarju Eġizzjan Mohammed Al Fayed.
F’dokumentarju tal-BBC f’Settembru li għadda, ġie żvelat li Al Fayed, li miet is-sena l-oħra fl-età ta’ 94 sena, kien jabbuża sesswalment lin-nisa impjegati fil-kumpless kummerċjali rinomat f’Londra Harrods li kien propjetà tiegħu. Barra minn hekk huwa kien ukoll jisfurzahom jagħmlu testijiet mediċi u jheddidhom li jbatu l-konsegwenzi jekk kienu jilmentaw.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Londra, l-avukat qal li l-iskala enormi tal-abbuż imwettaq minn Al Fayed u li kien ukoll iffaċilitat minn dawk ta’ madwaru, sfortunatament qed tkompli tikber.
Qabel ma miet, Al Fayed dejjem innega akkużi simili li kienu ġew imressqa minn rapporti oħra.
Harrods, minn naħa l-oħra, esprimew is-sogħba tagħhom għal dawn l-allegazzjonijiet u offrew apoloġija fejn ukoll nhedew proċess sabiex kwalunkwe impjegat tagħhom, passat jew preżenti, seta’ jressaq talba għall-kumpens.
Aktar minn 400 talba għall-kumpens saru minn nisa minn madwar id-dinja l-aktar Brittaniċi iżda wkoll Amerikani, Awstraljani, mill-Malażja, Spanja, l-Afrika t’Isfel u pajjiżi oħra.
Allegatament dawn l-abbużi fil-maġġor parti tagħhom saru fil-binja ta’ Harrods iżda anke f’lokazzjonijiet oħra marbuta mal-imperu tan-negozju ta’ Al Fayed bħal klabb tal-futbol ta’ Fulham, il-lukanda Ritz f’Pariġi u l-villa tiegħu f’Surrey.
Fost il-vittmi hemm it-tifla ta’ eks ambaxxatur Amerikan għar-Renju Unit kif ukoll it-tifla ta’ plejer magħruf tal-futbol li l-ismijiet tagħhom ma ġewx żvelati.