Aktar minn erba’ mitt persuna applikaw għall-iskemi li jagħtu sostenn lil persuni b’diżabilità u lill-qrabathom fil-komunità.
Permezz ta’ dawn is-servizzi u skemi, persuni b’diżabilità jista’ jkollhom għajnuna ta’ Support Worker mill-Aġenzija Sapport jew carer tal-għażla tagħhom, inkluż assistent personali skont is-sigħat ta’ għajnuna li l-persuna ikollha bżonn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras spjegat li dan is-servizz għandu tliet għanijiet li huma assistenza personali, soċjalizzazzjoni u interventi għal bżonn tal-individwu.
Hija spjegat li s-servizz kollu huwa mmirat biex jinkoraġġixxi iktar l-indipendenza fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll sapport biex persuni b’diżabilità ikunu jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Sciberras spjegat, “Bħala aġenzija Sapport noffru diversi skemi biex ngħinu lin-nies b’diżabilità u l-familji tagħhom ikomplu jgħixu fil-komunità. Dan is-servizz jinvolvi lill-familja ġeneralment issib l-assistent personali li jridu huma u l-aġenzija toffri s-sussidju.”
L-Aġenzija Sapport toffri tliet skemi differenti li permezz tagħhom toffri sussidju biex il-familja tkun tista’ tqabbad assistenti personali tal-għażla tagħha.
Sciberras spjegat li l-iskema tad-direct payment hija meta persuna tagħżel carer tal-għażla tagħha u l-Aġenzija Sapport tkun qed tagħti sussidju biex tkun tista’ tħallas tas-servizz. Il-vantaġġ tad-direct payment huwa li tista’ tagħżel il-ġranet u l-ħinijiet skont il-bżonn, iżda ma jistax jaqbeż it-tnax-il siegħa fil-ġimgħa. Bl-iskema tal-għixien b’mod indipendenti fil-komunità, il-klijent jiġi mogħti għajnuna għal minn tal-inqas tletin siegħa fil-ġimgħa jekk huwa adult.
Il-Kap Eżekuttiv sqarret, “Fis-servizz komunitarju għandna mija u tlettax-il familja li qed jibbenefikaw, imbagħad għandek skemi fejn pereżempju servizz huwa tnax-il siegħa u hemm għandek ’il fuq minn mija u tlettax-il familja oħra li jibbenefikaw. Għandek skemi li huma sa 30 siegħa u hemm hekk għandek kważi mitt familja oħra fil-bżonn, u bl-għajnuna personali għandek erbgħa u sebgħin familja oħra li jibbenefikaw.”
Ruth Sciberras saħqet li l-persuni li jixtiequ jgawdu minn dawn l-iskemi jridu jressqu t-talba tagħhom lill-aġenzija, fejn professjonisti, fosthom Social Workers, jevalwaw il-każ u jitħejja rapport li jgħaddi għand bord Intern, li jgħarbel it-talbiet kollha u jistabbilixxi l-kriterji u l-ispejjeż li jridu jiġu koperti.