Kulma jmur, is-suċċess li Malta kisbet fil-qasam tr-reġistrazzjoni tal-vapuri qiegħed jiġi imitat fis-settur tar-reġistru tal-avjazzjoni li twaqqaf aktar minn 50 sena ilu.
Fil-fatt sal-aħħar tas-sena l-oħra pajjiżna laħaq il-mira u r-reġistru tal-avvjazzjoni Malti qabeż l-400 ajruplan.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spega li sa nofs Jannar, 411-il ajruplan ta’ sidien u kumpaniji tal-arju kienu qegħdin itajru l-bandiera Maltija bil-marka 9H.
Il-Ministru Borg fakkar kif sal-2012 pajjiżna kellu biss 127 ajruplan rreġistrat fir-reġistru tiegħu hekk kif il-ħidma ta’ Transport Malta kienet iffukata l-aktar fuq il-qasam marittmu li wkoll kompla jirreġistra titjib minħabba r-reputazzjoni tajba li jgawdi.
Hawnhekk spjega li dan iż-żmien għadda u issa l-Gvern qiegħed jagħmel ħiltu kollu biex jinfed dan il-qasam li joffri aktar xogħol ta’ valur għoli u li jħallas tajjeb.
Il-Ministru Ian Borg spjega: “Dak però jfisser ukoll illi l-awtorità, l-Gvern Malti, l-poplu Malti qed idaħħal il-flus minn tali reġistrazzjonijiet u anki attività kummrċjali li jkunu qed jagħmlu Malta u jkunu ifisser li qed jinħolqu karriera ta’ kwalità. Jien nittama li jkun hemm maltin tajbin li jidħlu għal din il-karriera biex jaħtfu dawn il-jobs tajbin li qed jinħolqu.”
Il-Ministru Borg kompla jispjega li l-mira tiegħu għal din is-sena hija li dan ir-reġistru jilħaq l-460 ajruplan.
Fost l-ajruplani rreġistrati f’Malta, ajruplan tal-kumpanija Galistair, li taħdem fil-qrib mal-akbar grupp turistiku fid-dinja TUI.
Ir-rappreżentant tagħha Ignacio Pascal qal li jinsab kuntent ħafna li rreġistra l-ajruplan tal-għamla Airbus f’pajjiżna.
Huwa sostna li s-servizz li ngħata minn Transport Malta kien professjonali ħafna u sostna li qiegħed iħares ‘l quddiem sabiex fil-futur jirreġistra aktar ajruplani fir-reġistru Malti.
Fi tmiem il-konferenza, il-Kaptan Charles Pace li huwa l-Kap tat-Taqsima tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta ppeżenta ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lil Pascal hekk kif l-ajruplan tal-kumpanija tiegħu huwa l-400 wieħed li ġie rreġistrat f’pajjiżna.