Aktar minn 4.5 miljun flixkun u bott ġew ritornati mit-tnedija tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat, bi 800,000 ritorn saru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet biss.
Fi stqarrija, kelliem għal BCRS Malta qal: “Aħna inkoraġġati mill-parteċipazzjoni tal-pubbliku u qed nagħmlu aġġustamenti biex intejbu l-operat tal-iskema: madwar 90% tat-320 magna tagħna kienu kompletament funzjonali minkejja d-domanda kbira, u nemmnu li r-rispons se jitjieb aktar, hekk kif in-nies jidraw aktar l-iskema.”
Qabel l-introduzzjoni tal-iskema BCRS, Malta kienet b’mod konsistenti l-agħar prestazzjoni tal-UE fir-rigward tar-riċiklaġġ, b’pajjiżna jirnexxilu jirriċikla biss 10% tal-ippakkjar tal-plastik, meta l-medja Ewropea hi ta’ 38%, skont il- l-aħħar ċifri tal-Eurostat ippubblikati x-xahar li għadda.
Minħabba l-livelli ta’ riċiklaġġ konsistentement bgħatut kif ukoll il-miri aktar stretti tal-UE dwar ir-riċiklaġġ, il-Gvern iddeċieda li Malta għandha taqleb minn sistema ta’ ġbir fid-dar għal skema ta’ ritorn tal-kontenituri tax-xorb aktar iffukata.
“BCRS impenjat ruħha li tinvesti id-depożiti mhux mifdija f’inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, u għalhekk l-allegazzjonijiet li qed isiru f’ċerti kwarti li l-kumpanija għandha tgawdi minn nuqqas ta’ ritorn huma kompletament bla bażi,” żiedet tgħid il-kumpanija.
“L-introduzzjoni ta’ depożiti obbligatorji kompletament rimborsabbli wriet li hija effettiva ħafna barra minn Malta u bbażajna l-iskema tagħna fuq dawn il-mudelli ta’ suċċess. Madankollu, dan jeħtieġ bidla fil-kultura minna lkoll u, għalkemm element ta’ tfixkil huwa inevitabbli, nemmnu li fl-aħħar mill-aħħar l-iskema tal-BCRS se tkun ta’ benefiċċju għall-ambjent.
“Nappellaw lil kulħadd biex jagħraf il-ħtieġa li naħdmu kollettivament biex jinkisbu riżultati aħjar. Filwaqt li s-separazzjoni tal-iskart tista’ tippreżenta inkonvenjent, diġà qed turi lilha nnifisha bħala pass tanġibbli biex tqarribna lejn miri obbligatorji tal-UE, u tagħmel differenza reali għall-ambjent ta’ Malta.”