Esplora diġà qed tikseb suċċess mill-ikbar, dan hekk kif fi ftit xhur ġibed lejh aktar minn 38,000 viżitatur.
B’investiment ta’ €3,500,000, l-Esplora Planetarium ġie inawgurat u beda jilqa’ n-nies fi ħdanu.
Il-ġurnalisti kienu mistiedna biex flimkien mal-amministrazzjoni tal-post u mal-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius, jieħdu togħma tal-esperjenza xjentifika li qed joffri l-post.
Permezz ta’ sistema diġitali li tiproġetta immaġni f’teatru fulldome, u b’siġġijiet li jistgħu jitranġaw għall-kumdità ta’ dak li jkun, dawk li jżuru l-Planetarium għandhom iċ-ċans jaraw il-vjaġġ tal-bniedem fuq il-qamar f’dokumentarji qosra, li jieħdu lil dawk preżenti lura fiż-żmien.
Lil’hinn mit-teatru, fil-Planetarium hemm ukoll diversi attivitajiet li minbarra li joffru esperjenza edukattiva, huma maħsuba wkoll li jqanqlu kurżità fost id-diversi udjenzi li jżuru l-post – minn tfal sa anzjani.
Fil-Planetarium wieħed isib esebizzjoni ta’ tlettax –il mudell interattiv dwar l-Univers; li jiffukaw fuq il-kosmos u l-ħajja fl-ispazju.