Ġurnata ma’ tal-Films rat konkorrenza ta’ ’l fuq minn 33,000 persuna fil-Kalkara. Dan l-avveniment, organizzat ilbieraħ minn Screen Malta, offra esperjenza unika u edukattiva għall-familja kollha.
Wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin kien is-sett ta’ Gladiator, xhieda tal-ħila u s-sengħa eċċezzjonali li għandhom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
L-avveniment kien fih ukoll varjetà ta’ stands interattivi relatati mal-industrija tal-films u attivitajiet marbutin mal-arti tal-produzzjoni tal-films.
Dawk preżenti kellhom l-opportunità jitgħallmu dwar aspetti differenti tal-produzzjoni tal-films, bħal effetti speċjali, stunts, disinn tal-kostumi, u ffimljar taħt l-ilma.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka kif l-industrija tal-films f’Malta qegħda dejjem tkompli tikber. “Ninsabu impenjati li noħolqu iżjed karrieri ġodda fejn il-ġenerazzjoni ta’ llum u dik futura tesperjenza iżjed opportunitajiet ta’ impjiegi aħjar. Xogħol ta’ kwalità b’pagi tajbin fuq kull livell li jtejbu bil-kbir l-għejxien tal-poplu tagħna,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li jinsab kuntent li l-Maltin u l-Għawdxin laqgħu l-istedina biex jaraw mill-qrib ix-xogħol u l-arti kreattiva tal-industrija tal-films. Huwa esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-attività kienet ta’ suċċess kbir fejn kemm tfal, żgħażagħ u familji gawdew minn din l-esperjenza.