Flimkien mal-estensjoni tal-inizjattiva li tat tablet b’xejn lil kull student tar-raba’ sena, il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun qed jara l-bidu ta’ inizjattiva oħra li se tagħti laptop ġdid b’xejn lil kull student fis-seba’ sena.
Aktar dettalji dwar din il-miżura u oħrajn marbuta mas-settur edukattiv ġew imħabbra mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
“Smajna f’dan il-Budget ir-referenza għal-laptops u kif dawn ħa jkunu qegħdin jingħataw propju bħala għajnuna lill-istudenti tas-seba’ sena, mis-sena akkademika illi ġejja u allura tajjeb li wieħed hemmhekk jara dan l-investiment massiv f’uliedna, investiment li jlaħħaq il-ħamsin miljun ewro fuq perjodu li jvarja bejn ħames snin u seba’ snin.”
Il-Ministru Grima qal kif minn din il-miżura se jibbenefikaw mat-32,000 student.
L-investiment mhux biss se jkopri x-xiri tal-laptops lill-istudenti, iżda kif ukoll il-kontenut diġitali u t-taħriġ neċessarju lill-edukaturi.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie nawgurat Childcare Centre ġdid f’San Pawl il-Baħar.
L-inawgurazzjoni ta’ Happy Trails Childcare Centre kienet eżempju ieħor tal-fiduċja li għandu s-settur privat biex tkompli titwettaq l-inizjattiva tas-servizz taċ-Childcare b’xejn, waqt li l-ġenituri tagħhom komplew għaddejjin bil-karriera jew l-istudji tagħhom.
L-edukatriċi u l-maniġer ta’ dan iċ-ċentru, Rachel Debono Lombardo saħqet dwar l-importanza li sa minn età bikrija t-tfal ikollhom esperjenzi pożittivi anki permezz tal-logħob li permezz tagħhom jibdew jiffurmaw l-karattru tagħhom.
“L-għan tagħna huwa li noffru esperjenzi pożittivi fit-tfulija, fejn dawn jgħinu lit-tfal joħolqu a sense of belonging u relazzjoni magħhom nfushom u mad-dinja ta’ madwarhom.”
Waqt din il-konferenza ngħatat ħarsa lejn diversi miżuri fil-qasam edukattiv għas-sena d-dieħla fosthom dak imħabbar rigward l-istipendji għal dawk li jkomplu l-vjaġġ edukattix tagħhom lil hinn mill-età obbligatorja.
“Aspett ieħor li huwa importanti illi nsemmu huwa wkoll l-aspett tal-istipendju f’dan il-pajjiż fejn rajna żieda ta’ miljun ewro fuq is-sena li għaddiet u propju qegħdin naraw allura li kull student fis-sena akkademika li ġejja ħa jkun qed jibbenefika minn total ta’ żieda ta’ ħamsin ewro għal kull student li jkun eleġibbli li jirċievi l-istipendju.”
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni fakkar kif l-investiment fl-edukazzjoni ta’ uliedna ma jieqafx hawnhekk, iżda l-infrastruttura fejn isir it-tagħlim se tkompli tkun aġġornata.
Fil-fatt, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għandha programm vast ta’ proġetti għaddejin. Dawn jinkludu sebgħa u għoxrin proġett b’investiment ta’ ‘l fuq minn mija u tletin miljun ewro.
Fost il-proġett li jaqgħu taħt din il-Fondazzjoni hemm dawk li qed jaraw xogħol fl-iskola ta’ Ħal Għaxaq, tal-Imsida u tal-Primarja fir-Rabat, il-bini ta’ kumpless sportiv fl-iskola ta’ Santa Luċija u x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur f’Għawdex.