Bejn Jannar u Ġunju 2018, aktar minn 317,000 persuna attendew aktar minn 200 avveniment ta’ Valletta 2018, turi d-dejta miġbura.
Sadanittant, aktar minn 1,500 artist lokali u 166 artist internazzjonali ħadu sehem fi proġetti, esibizzjonijiet u rappreżentazzjonijiet bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Dan tħabbar aktar kmieni llum waqt konferenza tal-aħbarijiet li ndirizzat ir-riżultati tal-ewwel sitt xhur ta’ Valletta 2018.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “dawn ir-riżultati huma indikazzjoni ċara li l-avvenimenti ta’ Valletta 2018, li qed iseħħu madwar il-gżejjer kollha, huma aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ udjenzi u li artisti kif ukoll membri tal-komunità huma ko-kreaturi fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 “.
Ir-riżultati tar-riċerka juru li matul iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida u l-avvenimenti tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018, madwar 180,000 persuna żaru l-Belt Valletta (70,000 lejliet l-ewwel tas-sena u 110,000 matul il-ġimgħa tal-ftuħ). F’April, il-Festa l-Kbira kellha attendenza ta’ 40,000 persuna, filwaqt li 30,000 oħra żaru l-Valletta Green Festival f’Mejju. It-tieni edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas kienet suċċess ieħor b’aktar minn 50,000 persuna li gawdew l-ispettaklu fil-Port il-Kbir.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal kif l-Istatistika li qed titnieda llum turi wkoll żieda sostanzjali ta’ turisti fl-ewwel tliet xhur tal-2018. 96% tat-turisti li żaruna fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena kienu jafu b’Valletta 2018 u l-attivitajiet kulturali marbuta magħha. Minn dan l-aspett, f’sena biss, rajna żieda ta’ 6% (9% fl-2017).
Spjega kif dan kollu hu riżultat ta’ ħidma sfieqa mill-Gvern u l-Fondazzjoni Valletta 2018 biex l-ikbar investiment kulturali ta’ pajjiżna jkun ta’ suċċess.
Avvenimenti oħra ta’suċċess fil-Belt jinkludu l-Malta Fashion Weekand Awards,li għalihom attendew 4,500 persuna oħra, b’madwar 300 persuna f’Sant’Iermu kull lejl, u aktar minn 2,500 ruħ fi Pjazza Tritoni fil-lejl tal-premjazzjoni. Sal-lum, aktar minn 9,400 persuna żaru wkoll l-esibizzjoni ewlenija ta’ arti viżiva ta’ Valletta 2018, Dal-Baħar Madwarha.
Aktar minn 1,800 ruħ attendew numru ta’ kunċerti u rappreżentazzjonijiet mużikali bejnJannaruĠunjuinklużiTheOtherEuropeans,IconIsland-ALiveBattleof Picture s and Sounds, Jazz Famelija ta’ Ida Kalerova u Apocalypse Trio.
Matul l-ewwel sitt xhur tal-2018, saru diversi avvenimenti għat-tfal u ż-żgħażagħ f’żoni differenti tal-gżejjer Maltin. Dawn kienu jinkludu Años Luz; l-avveniment tat-tfal ewlieni ta’ Valletta 2018 li kien jinvolvi workshops u rappreżentazzjonijiet bil-pupazzi, li għalihom attendew 800 tifel u tifla fl-Iskola Primarja tal-Imqabba, u 220 oħra fil-Sala Parrokkjali f’Għajnsielem, Għawdex. The Strange Travels of Señor Tonet li seħħ f’Esplora fil-Kalkara u fil-Belt Valletta kif ukoll Ġaħan18 li sar fil-Belt Valletta, Bormla, il-Mellieħa, Ħal-Qormi u Ħal-Lija, kienu wkoll parti mill-programm tat-tfal. Solar Cinema tinkludi wkoll edizzjoni speċjali ta’ films qosra għat-tfal li qed jintwerew f’diversi lokalitajiet matul is-sajf, filwaqt li l-workshops tal-films stop-motion għat-tfal li saru waqt il-Valletta Green Festival kienu wkoll ta’ suċċess.
Uħud minn dawn l-attivitajiet saru b’kollaborazzjoni ma’ diversi skejjel primarji u kunsilli lokali. Dawn jinkludu Magna Żmien; proġett kontinwu ta’ ġbir tal-memorji organizzat bl-għajnuna tal-kunsilli lokali tal-Birgu, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex, Subjective Maps; proġett komunitarju li kien jinkludi workshops li saru fl-iskejjel primarji tar-Rabat Għawdex u Birżebbuġa u fiċ-Ċentru Leap fil-Qawra, kif ukoll Solar Cinema; ċinema mobbli pop-up b’wirjiet ta’ films f’aktar minn 20 lokalità matul is-sajf tal-2018.
Membri ta’ diversi komunitajiet mir-reġjuni kollha tal-gżejjer Maltin esperjenzaw wirjiet live minn 20 artist lokali u internazzjonali li għamlu 22 rappreżentazzjoni fil-kumdità tad-djar tan-nies. Residenti tar-Rabat, il-Manikata, Ħal-Qormi, il-Ħamrun, Santa Venera, iż-Żejtun, Bormla, il-Birgu, il-Gżira u tas-Sliema ttrasformaw id-djar privati tagħhom fi spazji pubbliċi li laqgħu rappreżentazzjonijiet artistiċi għal Altofest Malta 2018.
Valletta 2018 ipprovdiet ukoll opportunitajiet ta’ xogħol għal mijiet ta’ impjegati.
Ir-riżultati juru li t-total ta’ mpjiegi full-time fl-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCIs) żdied minn 8,618 fl-ewwel kwart tal-2014 għal 10,201 fit-tieni kwart tal-2017, ekwivalenti għal żieda ta’ 18.4% fuq perjodu ta’ tliet snin. Wieħed għandu jinnota li matul l-istess perjodu, it-total ta’ impjiegi full-time f’Malta żdied ukoll b’madwar 18%. Il-maġġoranza tal-10,201 individwu impjegati fuq bażi full-time fl-Industriji Kulturali u Kreattivi kienu impjegati fis-settur privat, 93.6%, filwaqt li l-bqija ta’ 6.4% kienu impjegati fis-settur pubbliku. L-impjieg part-time fl-Industriji Kulturali u Kreattivi żdied fuq perjodu ta’ tliet snin minn 1,612 fl-ewwel kwart tal-2014 għal 1,912 fit-tieni kwart tal-2017, ekwivalenti għal żieda ta’ 18.6%.
Dawn ir-riżultati pożittivi jirriflettu tajjeb fuq l-industrija tat-turiżmu f’Malta.
Dejta ppreżentata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu turi li fl-ewwel kwart tal-2018 ġiet irreġistrata żieda sinifikanti fl-ammont ta’ turisti li jżuru l-gżejjer u li huma “motivati ħafna” mill-kultura. 15% tat-turisti li żaru Malta fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kienu primarjament motivati mill-kultura meta mqabbla mad-9% rreġistrati fis-sena 2017. Valletta 2018 kienet il-motivazzjoni ewlenija biex wieħed iżur Malta għal 13.5% tat-turisti fl-ewwel kwart tal-2018. Dan in-numru huwa tliet darbiet akbar minn dak irreġistrat fl-2017.
It-turisti huma konxji sew ta’ Valletta 2018 minn qabel iż-żjara tagħhom f’Malta, u n-numru ta’ turisti mhux konxji naqas minn 31% fl-2015 għal 4% biss matul il-perjodu Jannar sa Marzu 2018.
Mijiet ta’ artisti huma parti essenzjali mis-suċċess ta’ Valletta 2018.
Ir-riżultati juru li aktar minn 1,600 artist lokali u internazzjonali pparteċipaw fl-avvenimenti ta’ Valletta 2018 s’issa – dawn jinkludu mużiċisti, atturi, akkrobati, żeffiena u artisti oħra waqt avvenimenti speċjali. Il-Ġimgħa tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018 rat il-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 1,000 artist, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Matul il-Valletta Pageant of the Seas, 454 artist ħadmu fuq diversi rappreżentazzjonijeit inkluż dik ma’ La Fura Dels Baus, filwaqt li aktar minn 400 persuna pparteċipaw f’attivitajiet oħra inklużi wirjiet ta’ powerboats u dgħajjes tal-qlugħ (40 persuna), Tellieqa Telliqun (160 persuna) Tellieqa Toni Bajada (200 persuna) u Għawma Toni Bajada (36 persuna).
Il-pjattaformi tal-media soċjali ta’ Valletta 2018, li jgħinu biex jippromwovu aktar il-proġetti u l-avvenimenti tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura kemm f’Malta kif ukoll internazzjonalment, irreġistraw medja ta’ aktar minn 574,000 utent, b’aktar minn 20,000 persuna li jsegwu l-paġni ta’ Facebook u Instagram ta’ Valletta 2018 b’mod regolari.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għamel referenza għall-passi kbar li saru f’dan is-settur. Hu rrimarka li “f’dawn l-aħħar 5 snin il-baġit għall-kultura żdied b’mod sostanzjali u l-investiment dirett ta’ dan it-tip fis-settur se jwassal għal rizultati li se jħallu l-frott tagħhom fit-tul. Xogħlna hu li nkomplu nkattru l-kultura u l-arti, filwaqt li nħejju pedament sod għall-ġenerazzjonijiet futuri sabiex inżidu s-sostenibbiltà.”