Skont l-aħħar aġġornament mill-awtoritajiet tas-saħħa juru li aktar minn 300,000 persuna ħadu t-tilqima tal-booster għal kontra l-Covid-19.
Dan hekk kif sal-Ġimgħa tlaqqmu 303,033 persuna bid-doża tal-booster.
F’konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni din il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif sa dan it-tmien il-ġimgħa se jitlaqqmu 70% tal-popolazzjoni Maltija bil-booster.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Chris Fearne qal kif li mit-Tnejn li ġej wieħed jista’ jmur jitlaqqam bid-doża tal-booster mingħajr appuntament.
Dawn se jkunu fl-MCAST Għajn Dwieli, il-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Bereġ ta’ Tas-Sliema, Kerċem, Mellieħa, Naxxar, Santa Venera u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Mill-ġimgħa d-dieħla wkoll se jkun hemm il-klinika mobbli li se ddur madwar il-pajjiż, fejn in-nies mingħajr appuntament jistgħu jitlaqqmu bid-doża tal-booster.
It-Tlieta, dan se jkun fil-Pjazza Prinċipali taż-Żejtun, waqt li l-Ħamis tal-ġimgħa d-dieħla, din il-klinika mobbli se tkun fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid.