Aktar minn tletin elf persuna attendew għal ħmistax-il edizzjoni tal-Isle of MTV, li sar it-Tlieta filgħaxija fuq il-Fosos tal-Floriana.
Dan l-akbar kunċert mingħajr ħlas fil-kontinent Ewropew ta spettaklu mill-aqwa fejn eluf ta’ żgħażagħ żifnu u qabżu mar-ritmu tal-mużika minn artisti ta’ fama dinjija assoċjati mal-mużika moderna.
Mal-ewwel noti tal-kanzunetta “I Ain’t Worried” tal-grupp One Republic, l-ispettaklu laħaq il-qofol tiegħu fost l-entużjażmu tal-folla kbira għall-ħabta tad-9:30 tal-filgħaxija.
L-atmosfera kompliet tikber bis-sehem tad-Dj Żvediż Alesso, li permezz tal-effetti viżwali u l-ispettaklu pirotekniku mil-isbaħ, li laħqu l-qofol tagħhom bil-kanzunetti ‘If I Lose Myself’ u ‘Heroes’.
Il-folla laqgħet ukoll lill-artist Ingliż Tom Grennan li ħa sehem permezz tal-kanzunetti ‘How Does it Feel’ u ‘Here’, waqt li l-kantanta Mimi Webb interpretat il-kanzunetta Red Flags u Delta Goodrem interpretat id-diska ‘Wings’.
Sadanittant il-kunċert infetaħ mill-artisti lokali Kevin Paul u l-grupp mużikali The Busker, li rrappreżentaw lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest, bil-kanzunetta ‘Dance Our Own Party’. It-tnejn intlaqgħu wkoll tajjeb ħafna mal-udjenza.
Għal sena oħra kienet evidenti wkoll il-preżenza ta’ eluf ta’ barranin, uħud minnhom li ġew Malta apposta għall-kunċert wara kampanja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).
Miljuni oħrajn setgħu jsegwu dan l-ispettaklu permezz tas-siti soċjali, waqt li l-MTV se jkun qed iwassal ix-xandira f’dati ’l quddiem.
Fi stqarrija dalgħodu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rringrazzja lil kull min kien involut biex l-edizzjoni ta’ din is-sena setgħet tkun ukoll waħda ta’ suċċess. Hu qal li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jkompli joffri iżjed attrazzjonijiet kulturali u mużikali biex mill-prodott turistiku Malti jgawdu nies minn kull sfera tal-ħajja.













Ritratt ta’ Kim Portelli