Hekk kif fl-ewwel ta’ Jannar daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-liġi dwar il-kirjiet residenzjali privati s’issa diġa daħlu –il fuq minn tlett elef ruħ fuq is-sit elettroniku apposta sabiex jirreġistraw il-kirjiet tagħhom. Dan hekk kif il-liġi tobbliga lis-sid jirreġistra l-kuntratt tal-kirja fi żmien għaxart ijiem minn meta jiġi ffirmat.
Din ir-reġistrazzjoni hija mingħajr ħlas matul din is-sena bħala inċentiv għas-sidien.
Il-kap eżekuttiv tal-awtoritá tad-djar, Leonid McKay spjega liema kirjiet għandhom jiġu rreġistrati.
“Din is-sena hija sena trasitorja u allura persuni illi l-kuntratt tagħhom beda qabel l-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena u mhux ser jeċċedi l-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, dawk m’għandhomx jiġu rreġistrati. Min-naħa l-oħra rridu ngħidu li għandek persuni li, dawk il-kuntratti li bdew wara l-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena hemm l-obbligu, huwa mandatorju li jiġu rreġistrati mill-awtorit_á tad-djar.”
l-Awtorità tad-Djar Għaddejja b’kampanja ta’ informazzjoni fuq livell nazzjonali biex l-partijiet kollha interessati jkunu sa mill-bidu konformi mal-liġi.
Dan filwaqt li s-sit elettroniku www.rentregistration.gov.mt ukoll joffri l-informazzjoni kollha dwar kif ir-riforma fil-liġijiet tal-kera ġabet bidliet fid-dmirijiet u l-benefiċċji tas-sidien u l-inkwilini.
Is-segretarju parlamentari għall-akkomodazzjoni soċjali, Roderick Galdess stqarr kif filwaqt li r-riforma li saret fil-liġi tal-kera kienet waħda kbira, il-bidliet qed isiru mingħajr ebda paniku żejjed.
“Il-Gvern qiegħed joffri servizz kważi b’xejn lil kulħadd, għas-sidien u anke għall-inkwilini biex ngħinuhom jaddattaw anke mal-bidla li qiegħdin nagħmlu f’dan is-settur.”