Is-sena elfejn tlieta u għoxrin rat it-tiswija ta’ aktar minn tlett elef qattus u qattusa tat-triq. Dan permezz tal-kampanja nazzjonali għat-tiswija tal-qtates li l-ħidma tagħha tibqa’ għaddejja s-sena kollha inkluż din is-sena.
L-għan wara din il-kampanja hi li, fost l-oħrajn, tiġi kkontrollata l-popolazzjoni tal-qtates tat-triq u fl-istess waqt jitnaqqas il-piż minn fuq il-feeders tal-qtates li ta’ kuljum jitimgħu lill-qtates li jieħdu ħsieb.
Waħda mill-veterinarji, li qed tieħu sehem f’din il-kampanja, Dr Christina Formosa, spjegat kif permezz tat-tiswija tal-qtates inkunu wkoll qed nieħdu ħsieb saħħithom.
Dan hekk kif jitnaqqas it-tixrid tal-mard bejn il-qtates, iżda kif ukoll jitnaqqas il-ġlied bejn qtates irġiel.
Spjegat kif il-proċedura hi waħda li timxi ħarir, u kif bħala veterinarji jieħdu ħsieb li jkunu f’saħħa sew qabel isewwuhom.
Dr Formosa qalet kif s’issa kull operazzjoni kienet waħda ta’ suċċess hekk kif ma kien hemm l-ebda qattus li tilef ħajtu waqt il-proċedura.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif kampanji bħal din huma importanti ferm biex jiġi assigurat il-ħarsien tal-annimali.
Spjegat kif, “Hija kruċjali għax permezz tagħha, aħna qed innaqqsu anke l-mard fejn għandek sitwazzjoni kif jispjegaw il-veterinarji li meta jkollok kolonji b’ħafna qtates, jifirzu l-mard bejniethom. Għaldaqstant meta jkollok tiswija bħas-sena li għaddiet fejn kellna aktar minn 3,000 qattus, aħna nkunu qed insalvaw mijiet ta’ qtates minn tifrix ta’ aktar mard u nkomplu nnaqsu l-pressjoni minn fuq il-feeders.”
Hi rringrazzjat lil diversi cat feeders li rrikorrew għall-kampanja tat-tiswija tal-qtates b’xejn li dan il-Gvern implimenta anke din is-sena.