Aktar minn 300 student iggradwaw mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS.
Dawn l-istudenti ggradwaw minn korsijiet li jibdew fil-livell ta’ Foundation sa Master’s Degree.
Għall-ewwel darba, din is-sena kien hemm numru ta’ studenti li ggradwaw f’Bachelors of Science in Diving Safety Management – kors edukattiv uniku fid-dinja u li jiġi mgħallem biss f’Malta.
Din iċ-ċerimonja f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta ġiet ippreseduta mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech, id-Deputat Chairperson tal-ITS Michelle Muscat, fil-preżenza ta’ letturi fi ħdan l-istess Istitut, ħaddiema fl-amministrazzjoni, gradwati u mistednin distinta.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Bartolo qal li dawn l-istudenti huma l-aqwa ambaxxaturi li jista’ jkollu pajjiżna fid-dinja turistika.
Intqal li dawn il-gradwati għandhom l-iskills pass ewlieni fl-industrija tal-ospitalità u għandhom il-potenzjal li jkunu ta’ eżempju għal kull min ser jingħaqad f’din l-industrija jew saħansitra jeħtieġ it-taħriġ biex ikun jista’ jidħol fiha.
Il-Ministru Clayton Bartolo temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fl-ITS biex jiġi assigurat li l-futur turistiku ta’ pajjiżna jkun mibni fuq workforce ta’ ħiliet fost l-ispettru kollu tal-industrija tal-ospitalità.