Terremot qawwi f’Haiti ħalla aktar minn 300 persuna mejta filwaqt li 1,800 oħra weġġgħu hekk kif numru ta’ binjiet iġġarrfu.
It-terremot, li kejjel qawwa ta’ 7.2 fuq l-iskala Richter, wassal għal diżastru ieħor, tant illi l-Prim Ministru tal-pajjiż Ariel Henry iddikkjara stat ta’ emerġenza għal xahar, filwaqt li ħabbar li bħalissa l-isptarijiet lokali jinsabu taħt pressjoni qawwija sabiex jikkuraw lin-nies feruti.
Fuq Twitter huwa żied jgħid li f’dan il-mument, l-aktar importanti huwa li jinstabu n-nies ħajjin taħt it-tiġrif tal-bini.
Intant, il-President Amerikan Joe Biden awtorizza għajnuna ta’ emerġenza biex jgħin lil Haiti. Il-pajjiż għadu wkoll qed jirkupra minn terremot devastanti ieħor li kien sar fl-2010.