Aktar minn 300 persuna kienu arrestati fil-Georgia minn mindu sitt ijiem ilu bdew il-protesti wara li l-partit fil-gvern Georgian Dream ħa d-deċiżjoni li jissospendi t-taħdidiet sabiex jingħaqdu fl-Unjoni Ewropea.
Fuq il-mezzi soċjali qed jidhru ħafna ritratti esplitiċi b’nies feruti fit-toroq u skontri vjolenti bejn id-dimostranti u uffiċjali tal-pulizija jitfgħu il-gass tad-dmugħ.
Il-Prim Ministru Irakli Kobakhidze akkuża lill-politikanti tal-oppożizzjoni li qed jorkestraw il-vjolenza u żammhom responsabbli għall-ġrieħi tad-dimostranti.
Iżda, it-Tlieta, l-ombudsman pubbliku tal-Georgia ddeskriva l-vjolenza bħala tortura u brutalità hekk kif akkuża lil pulizija li qed jużaw forza eċċessiva kontra d-dimostranti. L-uffiċjal għoli tad-drittijiet umani tal-Ġnus Maqgħuda Volker Turk sejjaħ din il-forza kontra d-dimostranti bħala waħda inkwetanti.
L-Ambaxxatur Amerikan għall-Georgia Robin Dunnigan stqarr li l-ambaxxata kienet rat il-vjolenza mill-pulizija u appellat lil Georgian Dream sabiex jirrikonsidra d-deċiżjoni li ma jkomplix bin-negozjati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea.
Waqt diskors pubbliku t-Tlieta, Kobakhidze ammetta li kien hemm inċidenti vjolenti matul l-ewwel jumejn tal-protesti iżda insista li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll u fil-ġranet segwenti kienu ttieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jkunx hemm eskalazzjoni. Hu faħħar ukoll il-ħidma tal-uffiċjali tal-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni fejn qal li din kienet ta’ livell ogħla minn dak li wieħed ġeneralment jara fl-Ewropa u l-Istati Uniti.