Daħlu aktar minn 300 applikazzjoni għal benefiċċju ġdid, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu u li se jkun qed jgħin lil persuni b’diżabbiltajiet moħbija u problemi serji ta’ funzjonalità.
Ħabbar dan id-Direttur fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona, waqt il-programm ‘Benefiċċji Għalik’, li jixxandar fuq ONE.
Cremona stqarr li l-kundizzjonijiet, li huma meqjusin bħala diżabilitajiet moħbija u jappartjenu għal din l-applikazzjoni, jinkludu, fost oħrajn, il-Fibromyalgia, l-ME u l-awtiżmu.
Minbarra hekk, intqal li persuni li applikaw għal dan il-benefiċċju diġà bdew jidhru quddiem bord imwaqqaf apposta, magħruf bħala Inter Professional Board, biex jistabbilixxi l-eliġibilità għal dan il-benefiċċju.
Qal, “L-Inter Professional Board beda minn din il-ġimgħa u tajjeb li ngħidu li dan mhux magħżul, imma biex ġie kompost ħarġet sejħa min-naħa tal-Aġenzija Sapport. Bis-saħħa ta’ dik is-sejħa, stajna nagħmlu kompożizzjoni ta’ żewġ bordijiet. Jiġifieri minn din il-ġimgħa li ġejja ’l quddiem se jkunu qed isiru żewġ bordijiet fil-ġimgħa u dan minħabba n-numru ta’ applikazzjonijet li daħlu s’issa biex narawhom kemm jista’ jkun malajr.”
Id-Direttur enfasizza li dawn l-applikazzjonijiet ma jistgħux isiru mill-individwu, iżda permezz ta’ professjonist mediku biss.
Qal, “Applikazzjoni tidħol biss mingħand it-tabib kuranti jew professjonist jew speċjalist tal-persuna. Jiġifieri l-persuna bid-diżabilità trid iżżur it-tabib kuranti tagħha jew l-ispeċjalista biex hekk tkun tista’ tissottometti dik it-tip ta’ applikazzjoni.”
Dan il-benefiċċju, li kien wegħda elettorali tal-Gvern, hu mmirat biex joħloq ġustizzja ma’ dawk il-persuni b’diżabilità ta’ ’l fuq minn 16-il sena, u li s’issa ma kinux jikkwalifikaw għal benefiċċju finanzjarju. B’hekk qed tittaffa t-tbatija li ta’ kuljum jesperjenzaw persuni simili.