Tul dawn l-aħħar tnax-il xahar, aktar minn tliet mitt annimal, bil-maġġornaza tagħhom ikunu klieb, ġew ikkonfiskati mingħand sidhom għal raġunijiet relatata maż-żamma tagħhom.
Dan hekk kif xemx u xita, l-ħidma ma tieqafx bid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali jirċievi eluf ta’ telefonati fis-sena ta’ rapporti b’rabta ma’ annimali li jkollhom bżonn l-għajnuna.
Fil-fatt matul is-sena elfejn wieħed u għoxrin biss, l-istess Dipartiment salva jew ġabar mit-toroq jew mid-djar, elfejn disa’ mija u ħamsa u tletin kelb u qattus bil-maġġoranza jkunu qtates.
Minn dawn, seba’ mija erbgħa u sittin kienu klieb filwaqt li elfejn mija wieħed u sebgħin kienu qtates.
Filwaqt li jsiru bosta rapporti, dawn iwasslu għal spezzjonijiet fi djar, għelieqi, toroq diversi u bosta postijiet oħra.
Tkellimna mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Patricia Azzopardi fejn spjegat x’tinkludi l-ħidma meta jidħol rapport dwar maltrattament ta’ annimal.
Qalet, “Meta ssir konfiska jiddependi fuq il-każ. Jekk dħalt u rajt sitwazzjoni tal-biki, fosthom mard u miżmumin bosta annimali. Hemm issir konfiska. Ġieli jkollna bżonn veterinarju. Ġieli jkollna bżonn ngħamlu body count biex naraw li jimmerita konfiska, jiġifieri hemm proċess.”
Spjegat kif wara li jiġu kkonfiskati, dawn normalment jew jinżammu għand id-Dipartiment, jew jiġu fostered u anke jitqassmu f’santwarji differenti.
Spjegat, “Meta jirrilaxxa l-annimal tiegħu s-sid, jiġu adottati mill-ewwel. L-annimali dejjem jittieħdu l-isptar hekk kif huwa parti mill-proċess biex wieħed jara l-istat tas-saħħa tagħhom u anke jekk għandhomx ċippa mbad jistgħu jiġu adotatti. Minn hemm tinħareġ multa amministrattiva, jiddependi dejjem fuq is-sitwazzjoni tal-każ, iżda ġieli anke jkollna nieħdu l-każ il-qorti.”
Intant l-appell ta’ Patricia kienu bosta fosthom dwar l-adozzjoni.
Qalet, “L-ewwel nett jekk se ġġib annimal għamel ir-riċerka sew. Jekk taħdem sigħat twal, iġġibx ġeru iżda ġib kelb ta’ età matura, it-tieni ħaġa ċċippjaw lill-klieb hekk kif tgħid il-liġi iżda anke lill-qtates minkejja li mhux obbligatorja. Dan hekk kif meta tgħażel li tiċċippja lill-annimal tiegħek, f’każ jintilef tkun aktar faċli biex jiġi rritornat lura għandek. It-tielet ħaġa, għażel li tadotta minflok tixtri.”
Kull min jiltaqa’ ma’ każ ta’ moħqrija fuq l-annimali jew annimal midrub, jista’ jċempel fuq 1717 u jirrapporta l-każ.