Bħalissa, aktar minn 2,800 familja qegħdin igawdu mill-Benefiċċju tal-Kera; benefiċċju li kien introdot fl-2019, u li, issa se jkun imsaħħaħ biex tkun assigurata l-affordabbiltà fis-suq tal-proprjeta.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Galdes qal li dan it-tisħiħ f’din il-miżura beda minn Jannar ta’ din is-sena.
Huwa semma eżempji ta’ kif din il-miżura qed tgħin lill-familji, fosthom: koppja li għandha żewġt itfal jew aktar u li d-dħul massimu ta’ din il-familja huwa ta’ ftit aktar minn €13,500 u li għandhom kirja fis-sena ta’ €9,600, issa se tkun qed tirċievi sa massimu ta’ €5,000 fis-sena jew €416 fix-xahar. Dan se jkun ifisser żieda ta’ €1,200 fis-sena, jew €100 fix-xahar.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekutti tal-Awtorita tad-Djar Matthew Zerafa qal li dan joffri firxa wiesgħa ta’ għażla u serħan il-moħħ li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu.
Semma li din l-iskema tingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti li qegħdin isiru mill-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Roderick Galdes fisser li b’din il-miżura ġew implimentati sitta minn seba’ miżuri tal-budget għal din is-sena minn dan il-Ministru – b’dan huwa ekwivalenti għal 86% tal-miżuri.
Is-Segretarju Permanenti ta’ dan il-Ministeru, Mark Musù semma li fost il-miżuri li twettqu hemm dik tal-għotja ta’ €10,000 f’għaxar snin għal dawk li se jixtru l-ewwel proprjeta tagħhom, fejn applikaw aktar minn 2,200 persuna u l-iskema tan-New Hope, fost oħrajn. Huwa qal li l-aħħar miżura se titwettaq sa Lulju li ġej.