Aktar minn 28% tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma vvutawx għal Bernard Grech, f’elezzjoni fejn Grech tellaq waħdu.
Dan hekk kif saret l-elezzjoni għal Kap, li kienet mifruxa fuq tlett ijiem u l-vot bi prokura jew kif inhu magħtuf vote by proxy.
Kien hemm 266 kunsillier li vvutaw kontra li Bernard Grech jibqa’ Kap Nazzjonalista, waqt li tnax-il kunsillier ħassru l-vot. B’dan ir-riżultat juri l-firda li għadha taħkem fil-Partit Nazzjonalista u turi d-diversi fazzjonijiet li huwa maħkum minnhom il-Partit Nazzjonalista.
Kien hemm ukoll 162 kunsillier tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li astjenew milli jivvutaw.
F’din l-elezzjoni kienu eleġġibli jivvutaw 1,564 kunsillier tal-Partit Nazzjonalista u f’din l-elezzjoni ma setgħux jivvutaw it-tesserati Nazzjonalista minħabba li Grech tellaq waħdu.
Bernard Grech tellaq waħdu bħal ma kien għamel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono, fl-2012.
Fi Frar ta’ dik is-sena, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ġab 96.5% tal-voti tal-kunsilliera Nazzjonalista.
Din l-elezzjoni, li saret wara l-akbar telfa elettorali minndu Malta saret indipendenti, kienet mifruxa fuq tlett ijiem kienet is-sitt elezzjoni għal Kap Nazzjonalista fi żmien għaxar snin.