Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, iċ-ċittadini Maltin li siefru żdiedu bi kważi 25,000 persuna meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li fil-perjodu ta’ bejn Lulju u Settembru li għadda, iċ-ċittadini li siefru minn pajjiżna kienu jgħoddu għal 273,082.
Intqal li l-aktar destinazzjoni popolari maċ-ċittadini f’Malta hi l-Italja, b’perċentaġġ ta’ 44.1% ta’ dawk li siefru.
Ħareġ ukoll li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-iljieli kollha mqattgħin miċ-ċittadini Maltin li siefru kważi laħqu l-1.9 miljun lejl. Bil-medja kienet ta’ kważi sebat iljieli.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li f’dan il-perjodu msemmi, l-infiq kollu miċ-ċittadini Maltin meta siefru kien ta’ kważi €270 miljun.
Ta’ min jinnota wkoll li minn dawn iċ-ċifri joħroġ, li l-perjodu ta’ bejn Lulju u Settembru kien l-aktar wieħed li fih iċ-ċittadini Maltin siefru wara l-pandemija.