Aktar minn 260 ħaddiem fi ħdan l-74 Kunsilli Lokali u Reġjonali f’Malta u Għawdex ser ikunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid li ġie maqbul bejn l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali u l-Union Ħaddiema Magħqudin.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Dr Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Kevin Mahoney, flimkien mas-Segretarju Permanenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Dr Joyce Cassar.
Il-ftehim intlaħaq bis-sehem tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-pakkett finanzjarju tal-impjegati u jipprovdi opportunitajiet għal aktar taħriġ fil-karriera. Il-ftehim, minbarra li jagħraf ir-rwol importanti tal-ħaddiema klerikali li jagħtu servizz lir-residenti fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex jawgura wkoll li joffri opportunita’ ta’ karrieri għal dawk li jixtiequ jaħdmu fil-qasam tal-Gvern Lokali.
Il-Ministru Owen Bonnici feraħ lill-partijiet għall-ftehim milħuq u spjega kif minbarra ż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, fost oħrajn, permezz ta’ dan il-ftehim il-ħaddiema se jkunu intitolati għal għaxart ijiem leave kulturali fis-sena, meta jkunu magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet kulturali kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta.
Apparti dan, impjegati li jkunu se jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet sportivi jingħataw leave speċjali skont l-iskemi maħruġa minn SportMalta. Ħaddiema ġodda ser jibbenefikaw minn kuntratt indefinit mill-ewwel, deputising allowance aħjar, u titjib fir-rata tal-performance bonus.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli irringrazzjat lil dawk kollha li ħadmu biex dan il-ftehim kollettiv seta’ jintlaħaq b’mod sħiħ.