Infrastruttura Malta tordna aktar minn 2,500 test tekniku fis-sena sabiex tiżgura l-kwalità u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida li tagħmel, kemm fit-toroq u kif ukoll fil-marittimu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-laboratorji tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità inkwistjoni, Deo Debattista ġew esebiti fost l-oħrajn it-testijiet li jsiru fuq il-konkos li se jintuża fuq kull proġett li jkun se jsir.
Hemmhekk fost esebizzjonijiet oħra assistejna għal test li jikkalkula l-pressa li jiflaħ il-konkos qabel jixpakka.
Madankollu mhux biss.
Iċ-Chairperson tal-Awtorità Helga Pizzuto stqarret, “Hawn madwar 40 test differenti li jsir. Kollha huma akkredidati, tfisser li huma testijiet li ġew ivverfikati u vvalidati minn sperti esterni biex jassiguraw li r-riżultati li jkunu qed joħorġu huma ta’ min wieħed jista’ joqgħod fuqhom.”
Il-Ministru Ian Borg tenna l-importanza ta’ dawn it-testijiet li fl-aħħar mill-aħħar jassiguraw is-suċċess tal-proġett.
Dan fid-dawl ukoll li fl-aħħar tliet snin intefqu mal-€400 miljun fi proġetti infrastrutturali madwar pajjiżna. Il-Ministru Borg spjega li medja ta’ 25% tat-testijiet li tagħmel l-aġenzija jwasslu għal xogħlijiet ta’ rimedju jew tnaqqis fil-prezz.
Fil-fatt, is-sena l-oħra, l-aġenzija infurzat tnaqqis fil-prezz ta’ madwar €1.3 miljun għal xogħlijiet li ma laħqux l-istandards meħtieġa.
Huwa rrimarka wkoll kif kull xogħol għandu jsir kif suppost sabiex nassiguraw infrastruttura tajba għal pajjiżna b’testijiet waqt li jkunu għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet.
Dan biex jekk ikun hemm nuqqasijiet, l-Awtorità tesiġi azzjoni ta’ rimedju minnufih.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega, “Hawnhekk rajna x-xogħol li jsir biex nivverifikaw il-kwalità u allura meta x-xogħol ma jkunx qed jilħaq il-livelli meħtieġa dak ix-xogħol ma jiġix imħallas ikollu jinqala’ u jiġi rranġat mill-ispejjeż tal-kuntrattur. Naħseb li n-nies tajjeb ikunu jafu s-serjetà li biha nimxu.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista nnota kif dawn il-laboratroji kienu kruċjali wkoll waqt il-pandemija.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista stqarr, “Apparti l-kostruzzjoni pereżempju waqt il-pandemija kellna l-analiżi tal-gases li ntużaw fl-isptarijiet, fil-clinics imma llum fil-kostruzzjoni l-importanza li l-materjal konkos asfalt, żebgħa, labelling tat-tabbelli tat-toroq ikunu ta’ standards għoljin u mhux għoljin biss iżda akkredidati.”