Fil-Parlament Ewropew fi Brussell ġiet imnedija l-akbar esebizzjoni ta’ presepji Maltin li qatt ġiet organizzata barra minn xtutna.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici, flimkien mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista u l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba.
Il-Ministru Bonnici spjega kif aktar minn ħamsa u għoxrin presepju mill-isbaħ, fosthom żewġ presepji ta’ daqs kbir illi jirrappreżentaw xeni minn irħula u bliet Maltin, qed jitgawdew minn eluf ta’ persuni li jżuru l-Parlament Ewropew f’dawn il-ġranet.
Intqal li din hija ta’ prestiġju kbir għal numru kbir ta’ voluntiera li jaħdmu b’tant passjoni.
Min-naħa tiegħu, Alex Agius Saliba qal li jinsab kburi li dik li kienet ħolma qed issir realtà, hekk kif qed tittella’ l-akbar esebizzjoni ta’ presepji Maltin illi qatt ġiet organizzata barra minn xtutna.

