Aktar minn 23,000 persuna irċevew taħriġ mill-Programm preventiv S.A.F.E organizzat mis-Sedqa.
Dan bil-għan li jeduka lill-ħaddiema kif ukoll lid-diretturi ġejjin kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn kumpaniji privati sabiex meta jħossuhom f’salib it-toroq kawża ta’ stress jew problem oħra, ikunu b’saħħithom biżżejjed sabiex ma jaqgħux f’vizzijiet koroh fosthom l-alkoħol u l-abbuż tad-droga.
Dan ġie żvelat dalgħodu waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji lil dawk l-entitajiet kif ukoll kumpaniji privati li pparteċipaw f’dan il-programm edukattiv li huwa ta’ benefiċċju għal kull min tħarreġ fih. Dan il-programm li jitratta l-aktar it-temi marbuta mal-immaniġjar tal-istress, l-abbuż tad-droga u l-effetti tagħhom kif ukoll l-alkoħol, ilu mwaqqaf mill-1996 u sa issa pparteċipaw fih aktar minn 280 kumpaniji privati kif ukoll entitajiet pubbliċi.
Preżenti għal dawn l-għoti ta’ unuri kien hemm il-Ministru Michael Falzon li faħħar din l-inizjattiva u kellu kliem ta’ tifħir lejn min iħaddem li għażel li jkun parteċipi f’dan il-programm dan hekk kif mhux biss qiegħed jinvesti fil-ħaddiema impjegati tiegħu imma qed jindirizza r-realtajiet li ġġib magħha l-ħajja mgħaġla ta’ kuljum.