Eluf ta’ Maltin u turisti għażlu li f’dan il-perjodu ta’ festi jżuru l-gżira Għawdxija.
Fil-fatt ċifri uffiċjali li kiseb ONE News juru li tnejn u għoxrin elf, sitt mija u sitta u għoxrin persuna qasmu l-fliegu l-għada tal-Milied.
Dan filwaqt li nġarru sebat elef u ħamsin vettura, f’mija u żewġ vjaġġi li saru matul il-ġurnata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat innota li minkejja l-isfidi li affaċċja pajjiżna bħall-kumplament tad-dinja fl-aħħar sentejn, il-Maltin xorta baqgħu jfittxu l-gżira Għawdxija għal dan iż-żmien ta’ festi.
Muscat innota li s-setturi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel qegħdin jesperjenzaw domanda qawwija li mistennija tkompli sal-ewwel jiem tas-sena l-ġdida.
“L-akkomodazzjoni tidher li hija se tkun movimentata ħafna kif ukoll anki l-istabbilimenti tal-ikel tagħna qegħdin jirrappurtaw illi għandhom domanda qawwija għall-postijiet b’mod speċjali għall-ikliet tal-aħħar tas-sena u l-ikla ta’ nofsinhar tal-ewwel tas-sena.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, ma naqasx milli jinnota wkoll il-kummerċ li ġabu dawk il-Maltin li għandhom proprjetà f’Għawdex, hekk kif dawn il-persuni ukoll qasmu l-fliegu għall-festi.
Joe Muscat qal li dan il-kummerċ lejn Għawdex għandu jkun attribwit għall-esperjenza li joffri Għawdex fi żmien il-Milied.
“Għaliex prattikament għandek xahar ta’ attivitajiet mis-sitta ta’ Diċembru sas-sitta ta’ Jannar illi għandek ruxmata ta’ attivitajiet, esebizzjonijiet, kunċerti, anacements, illi huma marbuta mal-ġrajja tan-nattività illi kollha jseħħu fil-gżira Għawdxija.”
Dan l-istazzjon tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Gozo Channel, Joe Cordina, dwar is-servizz li qed jiġi offrut f’dan iż-żmien.
Joe Cordina qalilna li l-Gozo Channel qed tistma li d-domanda għas-servizz fl-aħħar sigħat kienet waħda rekord, u dan kien rifless fl-ammont ta’ karozzi li dehru jaqsmu lejn Għawdex l-għada tal-Milied.
“Il-Gozo Channel kienet qed taħdem full capacity iġifieri b’erba’ vapuri għaddejjin gas down shuttle service iġorru dik il-kwantità kbira ta’ nies li ddeċidew li jaqsmu lejn Għawdex.”
Meta mistoqsi dwar kif dan il-perjodu festiv jikkumpara mas-snin preċedenti, Cordina stqarr li dan mistenni li jkun ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa li esperjenza Għawdex fl-aħħar għaxar snin.
“Jiena naħseb li dan il-Milied ħa jkun wieħed mill-aqwa f’dawn l-aħħar għaxar snin. In-numru kbir ta’ Maltin li qegħdin jaqsmu lejn Għawdex mhux ilbieraħ biss, jiġifieri anki qabel il-Milied juri illi ser ikun Milied tajjeb.”
Huwa żied jinnota wkoll li t-temp sabiħ fuq il-gżejjer Maltin bħalissa qiegħed jinkoraġixxi lill-Maltin sabiex joħorġu u jqattgħu ħin ta’ mistrieħ fil-gżira tat-tliet għoljiet.