Ix-xahar ta’ April ġab miegħu jiem aktar sħan, hekk kif it-temperatura medja tal-arja għoliet bi 3.4°C fuq Marzu, bix-xahar ta’ April kellu ftit aktar minn 215-il siegħa xemxin.
Madankollu, din il-medja ta’ 15.8°C, xorta kienet 0.6°C aktar baxxa min-norma klimatika ta’ April. Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet 0.3°C aktar baxxa min-norma ta’ 16.3°C.
It-temperatura tal-arja massima tax-xahar laħqet l-24.6°C fil-25 ta’ April, filwaqt li t-temperatura l-aktar baxxa kienet dik ta’ 8.4°C li tkejlet fid-19 ta’ April.
Minkejja li dan il-jum kellu l-aktar temperatura baxxa tax-xahar li għadda, kien ukoll l-aktar jum imdawwal tax-xahar, bi 12-il siegħa xemxin imkejlin matulu. Min-naħa l-oħra, fil-15, is-16 u t-28 ta’ April, ix-xemx ma dehritx, hekk kif taħlita ta’ trab u livelli għoljin ta’ umdità wasslu għal arja mdaħħna.
F’sitt ijiem f’April ġie osservat trab sospiż fl-arja. Madankollu, l-effett ta’ dan it-trab inħass b’mod partikolari fis-6 u l-21 ta’ April, hekk kif il-viżibbiltà ġiet imnaqqsa sinifikattivament.
Ix-xahar ta’ April kien wieħed xott, b’2.0 mm xita mkejlin minflok it-18.7 mm mistennijin f’dan iż-żmien tas-sena. April, fil-fatt, kien ir-raba’ xahar ta’ din is-sena li kien aktar xott min-norma klimatika.
Fil-15 ta’ April tkejlet ukoll l-aktar buffura qawwija tax-xahar ta’ 42 knots mill-Grigal kwarta Lvant, hekk kif irjieħ qawwijin ħafna laqtu lill-Gżejjer Maltin.